Il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ munita virtwali miżmuma f’kont ta’ Binance wara li kkonkludiet li l-attività fuq dan il-kont kienet irregolari u ma ngħatatx spjegazzjoni kredibbli dwar is-sors tal-fondi. Il-każ beda permezz ta’ rikors konġunt mill-President tal-Uffiċċju għar-Rekupru tal-Assi (ARB) u l-Kummissarju tal-Pulizija, li fis-6 ta’ Settembru 2023 ressqu talba ta’ konfiska mhux ibbażata fuq kundanna kontra l-kont b’USER ID 35650310.
L-azzjoni ttieħdet wara rapport ta’ vittma li qal li ġie mqarraq mill-websajt www.bitpaxosglobal.com, li kienet qed toffri “investimenti” f’munita virtwali b’rati ta’ qligħ għoljin. Il-vittma inizjalment investa f’Bitcoin ekwivalenti għal $555 u rċieva qligħ ta’ kważi $39 fi żmien 24 siegħa.
Segwew aktar investimenti bi qligħ apparenti, inkluż wieħed ta’ $2,415 bi qligħ ta’ $241.91. Iżda meta investa f’Ethereum b’ammont ta’ $2,685, induna li nteħidlu darbtejn dak l-ammont. Meta pprova jfittex spjegazzjoni, il-vittma ġie infurmat li l-“investiment” ma setax jiġi rtirat u kellu jħallas $3,000 oħra biex jieħu lura flushom — proposta li naqset għal $2,000 u mbagħad $1,000.
Issuspetta li kien vittma ta’ scam u għamel rapport lill-Pulizija. Il-Pulizija analizzat it-transazzjonijiet fuq il-blockchain ta’ Bitcoin u Ethereum u sabet kont fuq Binance li kien marbut mal-IP address fin-Niġerja. Binance kien ilu ilu jżomm dan il-kont iffriżat mill-2022, b’munita virtwali li kienet tammonta għal €8,835. Il-Pulizija bagħtet ittri rogatorji lill-awtoritajiet tan-Niġerja iżda ma rċeviet l-ebda tweġiba.
Il-proprjetarju tal-kont, Sulaiman Boljai Ayoola, ikkontattja lil Binance u qal li hu kien negozjant f’munita virtwali. Iżda meta ntalab jispjega l-attività u jipprovdi informazzjoni dwar is-sors tal-fondi, Ayoola ma ta l-ebda dokumentazzjoni kredibbli.
Għalkemm bagħat screenshots ta’ konversazzjonijiet biex jappoġġja l-verżjoni tiegħu, l-Pulziija sostniet li kienu alterati u ma kinux jikkonfermaw l-innoċenza tiegħu. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti osservat li Ayoola qatt ma kkontesta l-konfiska, ma ta l-ebda indirizz fejn jintbagħtu s-summons u naqas milli jispjega b’mod kredibbli minn fejn ġew il-fondi.
Għalhekk, sabet li kien hemm attività illegali u n-nuqqas ta’ koperazzjoni minn Ayoola kienu indikattivi. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat li l-kont u l-munita virtwali kollha li hemm fih jiġu konfiskati favur il-gvern.
Id-difiża tal-ARB u l-Kummissarju tal-Pulizija tmexxiet mill-Avukati Julian Farrugia u Carina Bugeja Testa mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.