Lokali

Il-Film Awards: Mill-qalba tal-Labour jaslu allegazzjonijiet serji dwar “orġja” u min “iteftef fil-bajda”

Huma serji immens l-attakki li qed jaslu mill-estremisti tal-Partit Laburista kontra Owen Bonnici u Johann Grech. Dan wara li l-famużi Film Awards reġgħu spiċċaw f’nofs kontroversja sħiħa.

Fuq quddiem nett ta’ din l-istrateġija ta’ attakki hemm Neville Gafà, li permezz tal-blogg tiegħu infexx f’dagħdigħa ta’ kliem iebes kontra l-Kummissarju tal-Films u l-Ministru responsabbli minn dan is-settur – propju Owen Bonnici.

Dan kollu żbroffa wara li fil-midja ġie żvelat li l-Film Festival ta’ din is-sena ġie jiswa’ s-somma eżorbitanti ta’ €5 miljun.

DAN HUWA DAK LI KITEB NEVILLE GAFÀ

PORKERIJA għall-oxxenitajiet grassi u malizzjużi ta’ dak li kellu jkun Festival Tal-Film f’għeluq il-100 sena tal-eżistenża tat-tertuqa f’Malta u kif tali tertuqa issa dawruha fi xkora ta’ dnubiet ħorox.

Kulħadd taparsi jitkellem dwar il-Mediterrane. Kelma sabiħa kieku, imma bi prezz li ma jispiċċa qatt. L-ewwel nonfqu Ewro 5miljuni biex norganizzaw ġimgħa ta’ ekstravaganza … Ewro 8.5 miljun biex norganizzaw serata ta’ premijiet fejn jiġu mistiedna mal-1,200 persuna kollha mosqija nbejjed u alkoħol mill-aqwa inkluz ukoll it-tqassim ta’ sigarri tal-aqwa kwalità, filwaqt li min fettillu fis-sakra li kellu ntefa’ iteftef fil-bajda peress li ħassu jorgażma bil-ġid li ħoloq il-Partit Laburista fil-Gvern f’dawn l-aħħar tnax-il sena.

Imma possibbli l-Ministru Owen Bonnici u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech ħasbuhom daqshekk imzazen lil-Laburisti? Mhux kulħadd jaf min kien mistieden minnhom għas-serati, inkluż dik l-orġja li saret fil-Forti Manoel nhar l-Imnarja?