Lokali Turiżmu

Is-suq mir-Renju Unit jibqa’ l-aktar popolari

Matul ix-xahar ta’ Ġunju, għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 923,374 passiġġier, bl-aktar ġurnata impenjattiva għall-operat tal-ajruport tkun dik talĦamis 26 ta’ Ġunju.

Dakinhar l-ajruport laqa’ 35,571 passiġġier li vvjaġġaw abbord 218 titjira li waslu jew ħallew Malta.

Filwaqt li l-moviment tal-ajruplani matul Ġunju ra żieda ta’ 4.5 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet, l-okkupanza tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet (seat load factor), kienet fil-livell ta’ 86.8 fil-mija, jiġifieri rat żieda marġinali ta’ 0.2 fil-mija.

Din kienet l-aktar rata ta’ okkupanza b’saħħitha mill-bidu tas-sena 2025.

Ir-Renju Unit żamm postu bħala l-aktar suq importanti għall-ajruport, hekk kif kien responsabbli għal 22.4 fil-mija tat-traffiku tal-passiġġieri. Dan kien segwit mill-Italja (20.2 fil-mija), il-Ġermanja (7.4 fil-mija), il-Polonja (7.0 fil-mija) u Franza (6.7 fil-mija).