Il-komunità internazzjonali qed tħeġġeġ biex l-awtoritajiet marittimi jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela minħabba l-periklu għall-bastimenti li qed jużaw ir-rotot fil-Baħar l-Aħmar. Rotot importanti għat-trasport taż-żejt u riżorsi oħra kruċjali għall-pajjiżi tad-dinja.
Dan fost rapporti li bastiment tal-merkanzija – it-tieni wieħed f’ġimgħa – spiċċa attakkat mill-milizji tal-Houthi fil-Jemen u bil-konsegwenza li għereq fil-Baħar l-Aħmar. Intant laħqu salvaw il-maġġoranza tal-baħrin fuq dan il-vapur u meta qed tkompli t-tfittxija għall-membri l-oħra tal-ekwipaġġ.
Il-bastiment – bl-isem Eternity C li kien qed ibaħħar taħt bandiera tal-Liberja – kellu 25 baħri abbord meta ntlaqat minn diversi grenades sparati mill-miliziji li avviċinawh bid-dgħajjes. Fl-attakk, il-bastiment ta’ kumpanjija Griega tilef il-kontroll u, ħafna sigħat wara, bdew l-isforzi ta’ search and rescue f’sitwazzjoni mill-aktar iddisprata.
Il-Houthi, li huma alleati kbar tal-Iran, qalu li attakkaw l-‘Eternity C’ għaliex il-bastiment kien qed jivvjaġġa lejn Iżrael. L-istess milizji qalu li huma anki wasslu numru mhux speċifikat ta’ baħrin lejn ‘lokalità ta’ sigurtà’.
Madankollu, kelliema għall-Ambaxxata Amerikana fil-Jemen sostnew li l-Houthi, fil-fatt, ħatfu ostaġġ lil numru sinifikanti fost il-membri tal-ekwipaġġ, waqt li sejħu biex dawn il-baħrin jinħelsu immedjatament.
Tal-anqas 21 fost il-baħrin tal-‘Eternity C’ huma Filippini u meta numru ta’ Russi wkoll kienu jiffurmaw parti mill-ekwipaġġ.
Intant, kien proprju nhar il-Ħadd li l-Houthi għarrqu bastiment ieħor irreġistrat il-Liberja u li kien jismu ‘Magic Seas’. Dan il-bastiment, li wkoll kellu l-operaturi Griegi, spiċċa milqut minn diversi drones u missili tal-Houthi.
Il-milizji alleati mal-Iran qalu, wara, li l-bastiment spiċċa attakkat għaliex kien il-proprjetà ta’ kumpanija li kienet involuta fi pjan biex l-għajnuna destinata għall-Palestinjani ma titwassalx fil-portijiet indikati.
Il-Houthi anki ħarġu l-filmati ta’ milizji qed jitilgħu fuq il-bastiment ‘Magic Seas’ qabel għarrquh b’sensiela ta’ splussivi.
It-22 baħrin fuq dan il-vapur, sadanittant, kienu salvati minn bastiment tal-merkanzija li nzerta f’dik ir-rotta.
Min-Novembru tal-2023 ‘il hawn, il-milizji Houthi attakkaw ‘il fuq minn 70 bastiment tal-merkanzija bil-missili u d-drones meta dawn il-vapuri kienu qed ibaħħru mill-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden.
L-istess milizji anki ħarġu bid-dgħajjes biex jattakkaw il-vapuri waqt li qalu li l-azzjonijiet kienu qed isiru b’solidarjetà mal-Palestinjani f’Gaza li ilhom ix-xhur ibatu taħt l-offensiva ta’ Iżrael.
//= $special ?>