Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat wara li ġie mixli li hedded lil oħtu b’arma tan-nar

Curt Theuma, raġel ta’ 29 sena li jaħdem għal rasu fil-qasam tal-kostruzzjoni, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’diversi reati serji, fosthom li hedded lil oħtu u lis-sieħeb tagħha, li kellu fuqu arma tan-nar mingħajr permess, u li saq vettura mingħajr liċenzja u mingħajr polza tal-assigurazzjoni.

Skont il-prosekuzzjoni, il-każ seħħ jumejn ilu meta oħt l-akkużat ċemplet l-għassa ta’ Birkirkara u rrappurtat li ħuha kien qed jheddedha flimkien mal-għarus tagħha. Allegatament, Theuma ħareġ arma tan-nar u qal li se jagħti żewġ tiri.

Fil-Qorti, Theuma wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat tiegħu, li qed jidher għalih b’għajnuna legali, talab għall-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-akkużat ilu jgħix għal diversi snin ma’ missieru u għandu rabtiet stabbli mal-komunità.

Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi nnotat li oħt l-akkużat – il-vittma allegata – tgħix taħt l-istess saqaf miegħu. Barra minn hekk, lanqas hi u s-sieħeb tagħha għadhom ma xehdux quddiem il-Qorti, u għalhekk kien hemm tħassib li l-akkużat jista’ jinfluwenzahom jekk jingħata l-ħelsien.

Wara li qieset iċ-ċirkostanzi u l-fatt li Theuma ma għandu l-ebda indirizz alternattiv fejn jista’ jgħix, il-Qorti iddeċiedit li ċċaħħdu mill-ħelsien mill-arrest. Il-proċeduri kontra tiegħu se jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin.