Il-Malta Football Association u l-Għaqda Ġurnalisti Sport jinfurmaw li laħqu ftehim fil-prinċipju ta’ aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet bil-għan li l-ġurnaliżmu sportiv ikompli jitkattar u favur li l-membri tal-għaqda jingħataw sostenn permezz ta’ beniffiċji varji.
F’laqgħa li saret fil-Kwartieri tal-MFA u li għaliha attendew Bjorn Vassallo u Dr Maria Azzopardi, President u Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u Clinton Buhagiar u Lorraine Cunningham, President u Segretarju Ġenerali tal-GĦĠS, kienu diskussi numru ta’ temi ta’ rilevanza għaż-żewġ partijiet.
Fost il-benefiċċji diskussi hemm dik relatata mal-fotografi fil-kategorija ‘Freelance’ fejn b’mod immedjat il-Malta FA aċċettat li tirrinunzja li żżomm il-miżata annwali ta’ €200 li kienet tkopri akkreditazzjoni għall-kompetizzjonijiet tal-kbar u l-miżata annwali ta’ €75 li kienet tkopri akkreditazzjoni għall-kompetizzjonijiet taż-żgħar.
Minflok u grazzi għal dan l-arranġament ġdid, l-akkreditazzjoni tinħareġ abbażi ta’ ħlas ta’ garanzija u liema ħlas jiġi rimborsat fl-aħħar tal-istaġun, suġġett għal numru ta’ termini u kundizzjonijiet wara li din tinżamm bħala garanzija matul l-istaġun tal-futbol. Dan il-qbil se jkun rifless fiċ-ċirkulari li se tinħareġ mill-MFA għall-media lokali fi ftit jiem oħra.
Benefiċċji oħra jitħabbru aktar ‘il quddiem wara aktar konsultazzjoni interna u bejn il-partijiet.
Fl-ewwel kummenti tiegħu l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo qal, “kuntent ħafna li meta l-affarijiet isiru b’mod professjonali u motivati minn sens tajjeb, l-Assoċjazzjoni ma ssibx oġġezzjoni biex it-talbiet fattibli mressqa jiġu aċċettati. Dan huwa l-mod diliġenti kif nikkollaboraw flimkien favur ħidma speċjalizzata li tiffoka fuq l-isport u xejn aktar. Grazzi lill-uffiċjali tal-GĦĠS tal-impenn li urew biex flimkien inkomplu nsibu mezzi biex insaħħu l-ħiliet tal-membri tagħhom u nsostnuhom fix-xogħol tagħhom.”
Min-naħa tiegħu l-President tal-GĦĠS Clinton Buhagiar qal, “ninsab sodisfatt li wara snin ta’ diskussjoni, l-GĦĠS waslet għal dan il-ftehim mal-akbar assoċjazzjoni sportiva fil-pajjiż. Dan il-ftehim hu wieħed storiku u li minnhu se jibbenefikaw għexiren ta’ membri tal-GĦĠS li ta’ kull staġun kienu jiġu mituba jħallsu l-ammonti stabiliti sabiex jagħmlu xogħlhom. Inħares ‘il quddiem għal iżjed koperazzjoni mal-Malta FA”.
//= $special ?>