Internazzjonali

L-Ukrajna: Ikomplu l-appelli ta’ Zelensky fost l-assedju fuq Kiev

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ħeġġeġ lill-Alleati tal-Ukrajna biex iħaffu l-proċess għal aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja. Dan wara li r-Russi, fl-aħħar sigħat, komplew bis-sensiela tal-attakki mill-ajru fuq il-kapitali Ukrena Kiev u li fihom inqatlu u ndarbu numru ġdid ta’ ċivili.

Zelensky qal li s-sanzjonijiet fuq Moska jridu jkunu imposti ‘illum qabel għada’. Hu saħaq il-ħtieġa li r-Russja ta’ Vladimir Putin tħoss tassew il-pressjoni b’mod li t-tmexxija tal-Kremlin tagħraf tassew ‘il-konsegwenzi tat-terrur impost fuq il-poplu Ukren’.

Dan ukoll wara li l-qawwiet Russi, fil-lejl tal-Erbgħa, sparaw mill-ġdid il-mijiet tad-drones u l-missili lejn Kiev u bnadi oħra tal-Ukrajna. Attakki li, għal sigħat, ikkaġunaw l-isplużjonijiet kbar fil-kapitali Ukrena.

Waqt li kienu għaddejjin l-attakki fuq Kiev, ir-residenti mill-ġdid kellhom jistkennu għal sigħat fil-metro tal-belt u f’diversi mini taħt l-art – bil-mijiet tal-familji anki jsibu refuġju fil-kantini tad-djar. Dan waqt li kienu qed jaqbdu n-nirien fid-diversi zoni ta’ Kiev li ntlaqtu direttament mid-drones.

Ir-Russja, sadanittant, tinsab determinata biex tkompli bl-assedju mill-ajru fuq Kiev u l-ibliet l-oħra bil-ħsieb li tiddemoralizza lill-Ukreni.

Fil-fatt, l-aħħar attakki seħħew anqas minn 24 siegħa wara li r-Russi kienu wettqu offensiva oħra ‘rekord’ u fejn l-ibliet prinċipali fl-Ukrajna ntlaqtu wkoll bil-mijiet tad-drones u l-missili. Attakk li ssemma bħala l-agħar fuq l-Ukrajna mill-bidu tal-invażjoni tal-pajjiż mill-militar ta’ Putin, fi Frar tal-2022.

Intant, l-Ukrajna, f’Ġunju, irreġistrat l-ogħla ammont ta’ vittmi ċivili għal xahar tul-aħħar tliet snin – b’232 maqtula u viċin il-1,500 midruba b’riżultat tal-aggressjoni mill-militar ta’ Putin.