Mara li kienet akkużata li ċaħdet lill-ex sieħeb tagħha milli jara it-tifel minuri tagħhom ġiet meħlusa mill-konsegwenzi tal-kundanna wara li l-istess raġel irtira żewġ ilmenti kriminali fil-fażi tal-appell. Il-każ seħħ fi sfond ta’ separazzjoni diffiċli bejn il-koppja.
Fil-fatt, għadhom għaddejjin diversi proċeduri kriminali kontra r-raġel – li hu qed jiċħad l-akkużi – u f’każ minnhom kienet ukoll ingħatat ordni ta’ protezzjoni favur il-mara biex ir-raġel ma jikkuntattjaha b’ebda mod.
Meta l-Qorti Kriminali tal-Appell kienet se tidħol fil-mertu tal-appell, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-vittma (l-ex sieħeb) irtira ż-żewġ ilmenti kriminali. Il-mara kienet akkużata f’żewġ każijiet separati li bejn Frar u Marzu 2024 u bejn April u Mejju 2024 ċaħdet lill-missier milli jara lit-tifel.
F’April 2025 kienet instabet ħatja u ġiet ikkundannata ġimgħa detenzjoni f’każ wieħed u xahrejn ħabs fil-ieħor. Permezz tal-avukati tagħha Franco Debono u Marion Camilleri, il-mara appellat miż-żewġ sentenzi, u sostniet li l-Qorti tal-Maġistrati ma apprezzatx sew l-evidenza.
L-appell tagħha kien jinkludi wkoll talba biex jiġu annullati ż-żewġ sentenzi u l-pieni ta’ ħabs imposti fuqha. Madankollu, peress li l-każijiet kienu jikkonsistu f’kontravvenzjoni li tippermetti rinunzja tal-vittma għall-prosekuzzjoni kriminali, u billi dan effettivament sar, il-Qorti ddeċidiet li l-proċeduri ġew eżawriti.
Fuq din il-bażi, il-Qorti mmexxija mill-Imħallef Neville Camilleri ma daħlitx fil-mertu tal-ilmenti mqajma fl-appell u laqgħet l-irtirar tal-ilmenti kriminali, li wassal biex il-mara tkun meħlusa mill-kundanna u l-pieni ta’ ħabs.
Il-Qorti osservat ukoll li dan kien każ fejn il-liġi tippermetti rinunzja tal-vittma u li din effettivament saret volontarjament fil-kors tal-proċeduri tal-appell.
//= $special ?>