Lokali Qorti

Mara tqila twaqqa’ każ kontra s-sieħeb tagħha biex it-tarbija ma tikbirx mingħajr missier

Il-Qorti waqqfet proċeduri kriminali kontra raġel ta’ 27 sena wara li s-sieħba tiegħu, li bħalissa għandha erba’ xhur tqala, talbet biex ma jitkomplix il-każ kontrih, għax ma riditx li t-tarbija tagħha tikber mingħajr il-preżenza ta’ missierha.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, fejn il-prosekuzzjoni rrakkuntat kif il-mara kienet allegat li waqt argument mal-akkużat, huwa waddbilha pouch, taha daqqa ta’ sieq minn wara u anke bil-ponn f’wiċċha. Ir-rapport inħareġ lill-Pulizija wara dan l-inċident.

Minkejja dan, fil-Qorti, il-vittma xehdet li kienet ilha f’relazzjoni mas-sieħeb tagħha għal sentejn u li r-rapport kien frott ta’ saħna tal-mument. Hija qalet li tinsab iddispjaċuta li l-affarijiet waslu sa dan il-punt u li ma riditx li t-tarbija li qed tistenna titwieled f’sitwazzjoni fejn missierha jinsab il-ħabs.

Il-Maġistrat, wara li semgħet ix-xhieda tagħha fejn ikkonfermat li ħadd ma ġiegħla kontra l-volontà tagħha twaqqa’ l-każ, ħadet inkonsiderazzjoni l-kundizzjonijiet personali u familjari tagħha, laqgħet it-talba u waqqfet il-proċeduri kriminali kontra r-raġel.