Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba ta’ Tyson Grech, li sostna li d-drittijiet fundamentali għal smigħ xieraq ġew miksura matul il-proċess kriminali li fih instab ħati ta’ diversi reati, fosthom l-istupru ta’ mara li seħħ bejn il-15 u s-16 ta’ Awwissu 2019, f’Bormla.
Grech ġie kkundannat sitt snin ħabs u mmultat €2,200 minn Qorti tal-Maġistrati fl-2021, sentenza li kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali f’Jannar 2024. Wara din is-sentenza, Grech fetaħ kawża kostituzzjonali fejn argumenta li l-prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta lil ommu fejn qal li kienet xhud kruċjali.
Dan għaliex qal li kienet preżenti fid-dar matul illejl tal-allegat reat u li setgħet tagħti verżjoni rilevanti tal-fatti. Fil-kawża tiegħu, Grech sostna li n-nuqqas li din ix-xhud tinstema’ twassal biex id-difiża tiegħu tiġi kompromessa b’mod serju u irriversibbli, speċjalment ladarba ommu mietet ftit xhur wara u ma setgħetx tiġi ppreżentata bħala xhud fl-istadju tad-difiża.
Madankollu, il-Qorti ċaħdet dan l-argument u qalet li l-prosekuzzjoni għandha d-diskrezzjoni tagħżel x-xhieda li tqis rilevanti għall-każ tagħha, kemm favur kif ukoll kontra l-imputat. Il-Qorti rrimarkat li Grech kellu kull opportunità li jsejjaħ hu stess lill-omm bħala xhud waqt il-provi tad-difiża, iżda naqas milli jagħmel dan. Għalhekk, il-Qorti qieset li ma kien hemm l-ebda ostaklu li żamm lil Grech milli jipproduċi l-prova li issa qed jilmenta li ma tressqitx.
Il-Qorti Kostituzzjonali saħqet ukoll li l-ilment ta’ Grech ma kienx ġustifikat, peress li l-filmat li pprova jintroduċi bħala prova ġdida fil-proċess kriminali ma kienx rilevanti għall-mument li fih seħħ l-att sesswali li dwaru nstab ħati. Għaldaqstant, il-Qorti kkunsidrat li ma sar l-ebda ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u lanqas tal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff laqgħet l-eċċezzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u ċaħdet it-talbiet ta’ Grech bl-ispejjeż kontrih. F’Jannar tal-2024, il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat sentenza ta’ sitt snin ħabs fil-konfront ta’ Tyson Grech li llum għandu 30 sena mill-Isla, wara li f’Settembru tal-2021 instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li stupra tfajla li kien ħareġ magħha għall-ewwel darba.
Grech huwa implikat f’każ ieħor fejn flimkien ma’ ħamest irġiel oħra, jinsab mixli bil-ħtif ta’ Carlos Schembri. Fi Frar ta’ tliet snin ilu huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq dan il-każ, iżda spiċċa jservi s-sentenza tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq il-każ tal-istupru.
Iż-żagħżugħ għandu negozju ta’ kiri ta’ karozzi flimkien ma’ Christian Borg, sieħeb il-Prim Ministru Robert Abela, għadu għaddej proċeduri mixli li ħataf raġel fir-Rabat, li żammu kontra r-rieda tiegħu u li heddu. Chris Grech, ukoll jinsab mixli bil-ħtif tal-istess persuna.
Dwar il-każ ta’ sturpru, l-Imħallef Camilleri kien ikkonferma sentenza tal-Maġistrat Rachel Montebello li fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Awwissu tal-2021 stupra lit-tfajla li dak iż-żmien kellha 19-il sena. Mill-provi li kieu tressqu rriżulta li huma kien ilhom jumejn jibagħtu messaġġi lil xulxin fuq il-mezzi soċjali.
Wara kienu spiċċaw id-dar ta’ Grech wara li ħarġu jieklu flimkien. L-għada, it-tfajla qamet muġugħa u fuq insistenza ta’ ommha marret għall-kura l-isptar. Fix-xhieda tagħha, it-tfajla qalet li Grech sforzaha tixrob ammont ta’ nbid u ma tifkatar xejn aktar wara li ħarġu mir-restorant ħlief li sabet ruħha f’post mhux familjari u liebsa biss il-ħwejjeġ ta’ taħt.
It-tfajla qalet li għalkemm ippruvat tirreżisti lil Grech u qaltlu li ma ridietx ikollha x’taqsam miegħu, huwa żammha kontra r-rieda tagħha u kellu x’jaqsam magħha bil-forza.
Grech li ma xehedx fil-kawża u insista li fit-tliet darbiet li kellu x’jaqsam mat-tfajla kellu l-kunsens tagħha. Il-Qrati emmnu l-verżjoni tat-tfajla, bil-Qorti tal-Maġistrati tgħid li x-xhieda tagħha bħala waħda ġenwina fejn dejjem kienet konsistenti u stqarret bla tlaqliq u b’mod dettaljat dak kollu li seħħ meta kienet għadha f’sensiha.
Fl-istess waqt qalet li Grech kien vag u inkonsistenti fit-tweġibiet tiegħu għad-domandi li sarulu, fosthom dwar kemm xorbot inbid it-tfajla u dwar il-preżenza t’ommu fid-dar. Il-Qorti qalet li konvinta li t-tfajla rrifjutat li jkollha x’taqsam miegħu u meta ppruvat timbuttah żammha bil-forza. Minkejja li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuqha, mix-xhieda tat-tabib irriżulta li kellha tbenġila friska fuq il-warrani fejn it-tfajla qalet li din seħħet meta ppruvat taħrab.
Irriżulta li l-ġerħa kienet kompatibbli mal-mod kif it-tfajla qalet li żammha l-ġuvni waqt li kien qed jistupraha. Għaldaqstant ġew ikkonfermat sitt snin ħabs u €2,200 multa fil-konfront tiegħu, kif ukoll ordnat il-konfiska tat-€800 depożitu u €2,000 garanzija personali li permezz tagħhom kien inħeles fuq kawża oħra waqt li ordnat l-arrest tiegħu għax kiser il-pleġġ.
Il-Maġistrat Montebello kienet ordnat ukoll lil Grech biex iħallas €2,482 fi spejjeż tal-Qorti. Is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkonfermata fl-intier tagħha mill-Qorti tal-Appell.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman li investiga l-każ filwaqt li l-Avukat Jason Grima deher għal Grech.
//= $special ?>