Anthony Frank Tabone
Kandidat
Partit Nazzjonalista
Il-karattru storiku, l-ambjent naturali u l-armonija viżiva tal-irħula Għawdxin jinsabu taħt theddida serja. Żvilupp bla viżjoni u bla koordinazzjoni qed iħalli marka permanenti fuq wiċċ din il-gżira tant maħbuba minn kulħadd.
Żvilupp iva… imma mhux kwalunkwe żvilupp
Il-mistoqsija m’għadhiex tkun jekk għandniex niżviluppaw jew le. Ovvjament, Għawdex għandu d-dritt jiżviluppa bħalma jagħmlu reġjuni oħra, b’mod li jkabbar l-ekonomija u joffri opportunitajiet ġodda lill-Għawdxin.
L-għan għandu jkun li kull Għawdxi jkollu l-għażla li jibni ħajtu f’Għawdex stess mingħajr il-ħtieġa li jmur Malta jew barra minn pajjiżna.
Iżda allura, x’tip ta’ żvilupp irridu? Fuq liema valuri għandu jsir tali żvilupp?
Bini kaotiku… qegħdin nitilfu l-karattru viżiv ta’ Għawdex
F’dawn l-aħħar snin, rajna żieda ta’ bini goff u mhux uniformi f’nofs irħula tradizzjonali u f’zoni rurali. Faċċati b’aluminju kull kulur, gallariji bla stil, u binjiet ta’ diversi sulari qed jaħkmu x-xenarju, u dan f’lokalitajiet li darba kienu joffru s-sbuħija u l-armonija arkitettonika tipika ta’ Għawdex. Din mhix biss kwistjoni estetika, iżda hi kwistjoni ta’ identità.
Irridi niddeċiedu fejn se naqtgħu linja
Għawdex hija gżira żgħira, b’limiti ċari, limiti territorjali, infrastrutturali u demografiċi. Żvilupp bla kontroll qed ipoġġi pressjoni fuq toroq, servizzi pubbliċi, drenaġġ, u saħansitra fuq provvista ta’ ilma u elettriku.
Għandna bżonn Pjan Reġjonali għal Għawdex li:
Jiddistingwi bejn zoni residenzjali bi żvilupp stilistiku uniformi ma’ dak diġà eżistenti;
Jipproteġi zoni b’valur storiku u kulturali;
Iħares zoni ODZ billi jwaqqaf kull tip ta’ bini u minflok iwettaq ħsarat ekoloġiċi.
F’ħafna bliet fl-Ewropa, b’mod partikolari fl-Italja u fi Spanja, jeżistu kodiċi ta’ ppjanar, kodiċi arkitettoniċi obbligatorji. Dawn jagħtu direzzjoni ċara dwar kif għandha tinbena binja f’zona partikolari, u b’hekk jinżamm l-istil u l-karattru viżiv ta’ dak il-post.
F’Għawdex, għandu jitfassal Kodiċi ta’ Disinn Arkitettoniku li jinkludi mhux biss l-użu ta’ ġebla Maltija, iżda limiti fl-għoli tal-bini u dan skont iz-zoni; għamla uniformi gallariji u twieqi u faċċati li jirrispettaw l-ambjent urban eżistenti.
Il-bini għandu jkun uniformi ma’ dak li diġà jeżisti, u mhux jisfratta l-karattru ta’ rħula storiċi.
Żvilupp sostenibbli… opportunità u mhux theddida
Bini li jikkumplimenta l-ambjent tiegħu, li jagħti importanza lill-wirt u li joffri esperjenza arkitettonika verament Għawdxija mhux biss jattira turisti ta’ kwalità, imma joħloq aktar investiment.
Żvilupp sostenibbli ma jfissirx li nwaqqfu l-bini, iżda li nagħmluh b’sens u viżjoni. Hekk biss nistgħu nsostnu turiżmu ta’ valur, ħajja residenzjali b’saħħitha, u ekonomija bbażata fuq il-wirt tagħna.
Il-wirt mhux biss xi haġa tal-passat, iżda importanti għall-ġejjieni
Il-wirt ta’ Għawdex m’għandux jitqies bħala xi ħaġa tal-imgħoddi. Għandu jkun il-bażi għal ekonomija kulturali u turiżmu sostenibbli ta’ kwalità.
L-identità arkitettonika tagħna hi dik il-ħaġa li tista’ tagħti lil Għawdex vantaġġ uniku fuq destinazzjonijiet oħra fil-Mediterran.
Nieħdu deċiżjonijiet għaqlin qabel ikun tard wisq
Il-futur ta’ Għawdex jiddependi mhux fuq kemm nibnu, iżda fuq kif u fejn nibnu. Jekk nibqgħu nżidu bini b’mod każwali, se nitilfu dak li jagħmel lil Għawdex speċjali. Imma jekk nieħdu ħsieb il-wirt, nirrispettaw il-karattru u noħolqu politika urbanistika vera, Għawdex jista’ jsir mudell ta’ żvilupp sostenibbli fil-qalba tal-Mediterran.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 6 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>