mid-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi
Shadow Minister
għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja
Il-Gvern tal-Labour ma jistax jinqeda bid-devjazzjoni bejn in-numru ta’ eletturi f’kull distrett u juża l-iskuża komda a finijiet tal-Artikli tal-Kostituzzjoni 60 u 60A biex jidhru bħala Gvern li qiegħed iwettqu l-obbligi tiegħu, fejn l-iskop aħħari jkun wieħed partiġjan u li jaġevola lill-PL fil-Gvern.
Jekk ikollna t-tielet partit li jtella’ mqar siġġu wieħed fil-Parlament jew persuna li tiġi eletta fil-Parlament, mhux f’isem iż-żewġ partiti meqjusa l-kbar, il-PL u l-PN, jista’ faċilment ikollna sitwazzjoni fejn ikun jista’ jiggverna dak il-partit li jkun ġab lanqas maġġoranza ta’ voti fl-elezzjoni ġenerali (jiġifieri anqas mill-ħamsin fil-mija u wieħed) għax ikollu aktar siġġijiet fil-Parlament?
Dmirna fil-Parlament hu li nħarsu d-demokrazija u mhux indgħajfuha; mhux induru magħha; u mhux inbagħbsuha.
Ma nistax naqbel mal-fatt li għax minn dejjem kellna lokalitaijiet maqsumin, fuq żewġ distretti nkomplu naqsmu l-lokalitajiet. Ir-Rapport Minoritarju tal-Oppożizzjoni ra li l-lokalitajiet kemm jista’ jkun ma jinqasmux, ħalli l-vuċi ta’ kull lokalità u ta’ kull resident fil-lokalitajiet rispettivi tkun rispettata. Trid tirrispetta l-intelliġenza tan-nies, jekk trid li l-istorja tirrispettak lura.
U trid verament tħobb lil pajjiżek.
Waqt li jinbidlu d-distretti rridu naraw li ma jkunx hemm vantaġġ jew żvantaġġ għal partit jew ieħor. Jekk isir dan nipperikolaw li l-prinċipju ewlieni u fundamentali tad-demokrazija jsir ta’ detriment u theddida għall-istess Demokrazija.
Nifhmu li l-Artiklu 61 u 61A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jistipula li d-Distretti Elettorali kollha barra d-Distrett ta’ Għawdex iridu jkunu l-istess fid-daqs fl-ammont ta’ eletturi li jivvutaw.
Il-Liġi Elettorali tistipola li fit-tnax-il distrett f’Malta ma jistax ikollok distretti li jkollhom aktar jew anqas mill-ħamsa fil-mija tal-ammont ta’ eletturi.
Dan ma jinkludix Għawdex għax fl-2006 – fi żmien Gvern Nazzjonalista – kienet ġiet emendata l-Liġi Elettorali biex Għawdex jibqa’ wieħed sħiħ għax hekk jixraq li jkun u Għawdex kiseb il-kunċett reġjonali.
U hekk jixraq li jsir fil-kumplament tad-distretti madwar Malta, fit-tnax-il distrett Elettorali, fejn kemm jista’ jkun il-lokalitajiet kollha f’Malta jibqgħu bħala lokalitaijiet sħaħ u bla ma jinqasmu.
Irridu niżguraw li meta jkun hemm tibdil fil-konfini u fid-distretti dan isir mingħajr l-iskop li jagħti vantaġġ lill-Gvern tal-ġurnata jew żvantaġġ lill-Oppożizzjoni. Tkun liema Oppożizzjoni tkun.
Sfortunatament dan l-aġġustament propost mill-Gvern fir-Rapport Maġġoritarju jagħti vantaġġ lill-Partit Laburista fil-Gvern. Bil-mod ta’ kif sejrin jinbidlu d-Distretti Elettorali se jkun hemm Distretti fejn il-PN sejjer ikun fi żvantaġġ fin-numru ta’ siġġijiet u deputati eletti.
Ma nemminx u mhux il-każ li jsiru kif isiru d-Distretti Elettorali hu irrilevanti għan-numru ta’ siġġijiet li wieħed jokkupa biex finalment ikun jista’ jiggverna. Dan ma jistax jiqies biss għall-Gvern, imma wkoll għal min ikun qiegħed fuq is-siġġijiet tal-Oppożizzjoni.
Impossibbiltà
Meta wieħed janalizza l-mod ta’ kif ċerti lokalitajiet sejrin jiċċaqalqu jew jinqasmu permezz ta’ dan ir-Rapport Maġġoritarju ppreżentat mill-Gvern, saret impossibbli li l-PN ikun jista’ jgawdi maġġoranza ġdida u jtella’ tliet deputati fil-Parlament minn numru ta’ distretti li sal-lum qatt ma kellu maġġoranza ta’ siġġijiet fihom.
B’hekk il-vot tal-elettorat li se jivvota lill-PN fl-elezzjoni li ġejja madwar Malta (fit-tnax-il Distrett Elettorali), mhux se jkun qed jirrispekkja u jirrifletti n-numru ta’ siġġijiet.
Dan il-makkaniżmu ppjanat u maħdum b’reqqa mill-Gvern hu ħadma oħra biex il-vot tal-elettorat Nazzjonalista ma jkunx rifless fin-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament, Dan ir-Rapport Maġġoritarju hu għodda oħra f’idejn il-Gvern Laburista li sejra taqdi għal darb’oħra lill-Gvern Laburista.
Irridu nifhmu li l-Gvern għandu l-maġġoranza tal-membri fil-Kummissjoni Elettorali, bħalma kull Gvern bi dritt kellu, iżda din il-maġġoranza m’għandhiex taqdi l-ħtiġijiet tal-PL, imma tħares ir-rieda tal-elettorat.
Permezz ta’ dawn it-tibdiliet u r-reviżjoni fid-distretti elettorali l-vuċi tar-residenti sejra tiddgħajjef u t-tbagħbis ta’ bosta lokalitaijiet maqsuma u mtertqa sejjer jaġevola lill-Gvern.
Dan ir-Rapport Maġġoritarju fejn ma qasamx il-lokalitajiet jew għaqqad lokalitajiet sħaħ, dan iċ-ċaqliq għamlu biex f’distretti fejn bħalissa l-PN għandu l-maġġoranza tal-voti jew jista’ jkollu tliet kwoti, għamilha impossibbli biex jista’ jkun dan.
B’dak li qed tipproponi l-Kummisjjoni Elettorali fuq it-Tmien Distrett – Birkirkara – sejra tinqasam f’biċċtejn. Parti minnha se tibqa’ mat-Tmien Distrett, waqt li 3,064 elettur li sal-lum kienu parti mil-lokalità ta’ Birkirkara se jispiċċaw jagħmlu parti mal-Ewwel Distrett (id-Distrett tal-Belt).
Għal dan it-tibdil fit-Tmien Distrett, in-Naxxar sejjer jitlaq mit-Tnax-il Distrett u 6,051 votant Naxxari se jkun qiegħed jagħmel parti mid-Distrett ta’ Birkirkara. (In-Naxxar se jinqasam bejn it-Tmien u l-Għaxar Distrett).
Biex seta’ jsir dan, l-Imġarr mis-Seba’ Distrett, se jingħaqad mat-Tnax-il Distrett. Dan ifisser li 3,734 votant se jitpoġġew mad-Distrett numru Tnax… dak tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Manikata u Burmarrad.
Tajjeb li wieħed jara x’ġara sena ilu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn fuq id-Distrett numru Sebgħa, li sal-lum jinkludi r-Rabat, l-Imtarfa, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli u l-Imġarr, id-differenza ta’ voti bejn il-PL u l-PN kienet ta’ ftit aktar minn 300 vot favur il-PL.
Bit-tibdil propost, bil-lokalità tal-Imġarr li tmur mat-Tnax-il Distrett, issa ġie impossibbli li l-PN jista’ jikseb it-tielet siġġu parlamentari tiegħu mis-Seba’ Distrett.
Din kienet manuvra oħra bi skop ta’ vantaġġ politiku partiġjan u dan bl-iskuża li issa Ħaż-Żebbuġ reġa’ ġie wieħed sħiħ u li Ħal Mula reġgħet ingħaqdet lura mal-kumplament ta’ Ħaż-Żebbuġ!
Mela fejn jaqblilna naqsmu l-lokalitajiet bħalma tal-Labour se jagħmlu f’Birkirkara u n-Naxxar u fejn jeħtiġilna għax hekk għandna bżonn biex niggarantixxu n-numru ta’ siġġijiet attaparsi għaqqadna lokalità sħiħa.
Dan hu l-Gvern tal-Labour. Dan hu l-mod ta’ kif jieħu d-deċizjonijiet, kif jaqbel lilu fil-mument opportun.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 6 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>