Opinjoni

OPINJONI: Il-Politika fuq livell mikro

Mark A. Sammut Sassi

Jien dejjem nipprova nevita li lill-qarrejja tiegħi nagħtihom kitbiet partiġjani. Mhux għax kieku rrid ma nafx niktibhom, imma għax jidhirli li d-diskussjoni għandha tkun fuq il-Politika bil-“P” kbira mhux fuq il-politika bil-“p” żgħira.

Il-Politika hi dik l-isfera tal-imġiba tal-bniedem li tirregola l-ħajja komuni, li tfisser kemm il-ħajja tal-poplu meħuda bħala Ħaġa Waħda u l-ħajja tal-poplu meħuda bħala Miġemgħa ta’ Individwi. Il-Politika t-tajba hi dik li taf tieħu ħsieb tat-tnejn flimkien, donnha miżien li jfittex l-ekwilibriju bejn iż-żewġ kefef.

Għax il-Politika hi fuq żewġ livelli. Għandek il-livell “makro”, jiġifieri kbir. Hu l-livell tal-Politika internazzjonali, kif Malta ġġib ruħha ma’ pajjiżi oħrajn u ma’ sħabha fl-Unjoni Ewropea. U kif se twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha fl-ambitu nazzjonali (jiġifieri kif se twettaq it-trattati internazzjonali). Hu wkoll il-livell tal-Politika ideoloġika – jekk il-Gvern hux se jkun wieħed li jiżfen mad-daqqa liberali jonkella mad-daqqa konservattiva-tradizzjonalista. Hu wkoll il-livell tar-rule of law, tal-legalità, tat-tħaddim veru tad-demokrazija, u l-bqija. Dan hu l-livell tal-poplu meħud bħala Ħaġa Waħda.

U mbagħad hemm il-livell “mikro”, jiġifieri żgħir. Dan hu l-livell ta’ kif jiġi mmaniġjat il-pajjiż. Din hi l-esperjenza ta’ kuljum taċ-ċittadini. Kif jingħataw servizz. Kif jinqdew. U l-bqija. Dan hu l-livell tal-poplu meħud bħala Miġemgħa ta’ Individwi.

Il-falliment kbir tal-Gvern fil-mikro-Politika

Il-Gvern ta’ Robert Abela rrealizza li fil-livell mikro tal-Politika mhux jagħti dak li l-poplu qed jistenna minnu. (Ma jfissirx li qiegħed napprova dak li jagħmel fil-livell makro, ħalli nkunu ċari.

Imma llum qiegħed inżomm id-diskussjoni għal-livell mikro.) U allura Robert Abela ħareġ bil-Pjan ta’ Kwalità. Jiġifieri li jtejjeb il-livell ta’ ħajjet il-poplu meħud bħala Miġemgħa ta’ Individwi. Il-problema hi li l-Gvern mhux jagħmel sforz apprezzabbli għal dil-kwalità.

Il-Posta

Nista’ nkompli nitkellem – kif għamilt fil-ġimgħat li għaddew – dwar il-Wild West fil-qasam tal-kostruzzjoni. Nista’ nitkellem dwar id-diżastru fit-treġija tat-traffiku. Nista’ nitkellem dwar il-qasam tas-saħħa li donnu mwaħħal flimkien bil-kolla tal-ħalib. Minflok, iżda, irrid niffoka fuq is-servizz postali.

Hu minnu li llum bl-emails, bil-WhatsApp, u b’dak kollu li toffrilna t-teknoloġija donnu l-ħtieġa tal-ittri naqset. B’danakollu, l-ittri għadhom jintużaw, u għadhom importanti. U importanti daqshom – jekk mhux saħansitra aktar – huma l-pakki u l-pakketti.

Il-għaliex it-teknoloġija ġabet magħha wkoll mod ġdid ta’ xiri – wieħed jista’ faċilment jixtri kważi kull tip ta’ prodott bl-internet. Dal-mod ġdid ta’ xiri, m’għandniex xi ngħidu, jiddependi tista’ tgħid għalkollox mis-servizz postali.

Hu minnu li hemm il-kumpaniji tal-kunsinna (miniex se nsemmihom b’isimhom minħabba fir-reklamar); imma l-maġġorparti tal-pakki u pakketti jitwasslu mill-MaltaPost, li hi wkoll hi kumpanija privata li, b’differenza mill-kumpaniji tal-kunsinna, tgawdi monopolju. Jiġifieri, il-MaltaPost hi l-unika kumpanija li tforni s-servizzi postali f’Malta.

Il-Privatizzazzjoni u l-Monopolju

B’mod ġenerali jien għandi riżervi kbar dwar il-privatizzazzjoni ta’ servizz essenzjali bħalma hu dak postali. Kien hemm żmien meta fid-Dinja Ideoloġika Konservattiva ffjorixxa l-ħsieb favur il-privatizzazzjoni. Issa jien konservattiv kemm trid, imma dal-faxxinu bil-privatizzazzjoni ma jagħmilx bija wisq. Sakemm ma jkunx hemm privatizzazzjoni f’kuntest ta’ kompetizzjoni.

Jekk ikun hemm aktar minn kumpanija waħda, allura l-privatizzazzjoni tajba. Jekk, iżda, il-privatizzazzjoni ssir biex jinħoloq monopolju, allura l-entużjażmu tiegħi jinxtorob u joqrob iz-zero. Għax il-monopolju jwassal għall-abbuż mis-suq, għall-għajbien tal-istandards tas-servizz, u għal esperjenza morra ħafna għall-konsumatur.

Il-bużillis hu li fil-qasam postali, ma jistax ikollok kompetizzjoni. Min-natura nnifisha tal-qasam irid ikun hemm il-monopolju. Allura, jidhirli jien, aħjar das-servizz ikun f’idejn l-Istat milli f’idejn il-privat.

Kunsinni taparsi

Hu x’inhu l-punt ideoloġiku, ejja nħarsu lejn l-esperjenza fil-prattika. Is-servizz postali hu mimli ħaddiema barranin. Uħud tajbin, uħud ferm u ferm anqas tajbin. Għall-ewwel, jien ħsibt li jien l-iżvinturat li mhux jingħata servizz tajjeb. Bdejt nitkellem man-nies, inkluż impjegati stess tal-MaltaPost, u skoprejt li l-esperjenza morra hi komuni għal ħafna nies. Saħansitra sibt stejjer fuq Facebook kollha jgħidu l-istess ħaġa.

Hemm għadd ta’ pustieri li flok ma jħabbtulek il-bieb biex jikkunsinnawlek pakk jew pakkett, iħallu l-avviż l-aħdar (jew l-isfar) fil-kaxxa tal-ittri. Is-Servizz tal-Konsumatur tal-MaltaPost dejjem jaqbeż għall-pustier (avolja kien hemm każijiet fejn il-pustier ingħata twissija). Però donnha daħlet id-drawwa fost il-pustieri li jħallu l-avviż u jibqgħu sejrin.

Inkella jċemplulek. Issa jekk inti ma tkunx tista’ twieġeb, dawn jassumu li d-dar ma hemm ħadd. Ma jaqgħalhomx f’moħhom li kapaċi int qiegħed x’imkien fejn ma tistax tirrispondi, imma forsi hemm membru tal-familja d-dar. Jaħsbu li għax ikun hemm numru tat-telefon partikolari fuq il-pakk(ett), allura dak biss għandu jwieġeb. B’dar-raġunament, min waqt il-ħin tax-xogħol ma jistax iwieġeb il-mobile, ma jista’ qatt jirċievi pakk(ett) ukoll jekk ikun hemm xi ħadd id-dar.

Din hi amministrazzjoni ħażina tas-servizz postali, u r-regolatur imissu jaraha.

Mhux kollox jintbagħat Malta

Għal xi raġuni li taħrab l-analiżi razzjonali, mhux kull prodott jintbagħat lejn Malta. Minkejja li aħna fiz-Zona Schengen, mhux il-prodotti kollha li jinbiegħu fil-bqija tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintbagħtu Malta.

Ngħidu aħna, jien dilettant tal-legatura tal-kotba. Ġieli nipprova nixtri xi tagħmir marbut ma’ dis-sengħa minn bejjiegħ online li jgħarrafni li dat-tagħmir ma jistax jintbagħat lejn Malta. Imma lejn membri oħrajn taz-Zona Schengen jista’ jintbagħat.

Għaliex? X’inhu jagħmel ir-regolatur dwarha dil-kwistjoni?

SendOn

Il-MaltaPost ħarġet b’soluzzjoni li fil-wiċċ tidher intelliġenti: SendOn. Hu servizz li bih jekk trid tixtri prodott mill-Italja (ngħidu aħna) u ma jintbagħatx lejn Malta, il-MaltaPost toffrilek indirizz fl-Italja, u int tibagħtu hemm. Imbagħad minn hemm jintbagħat lejn Malta.

Però dis-sistema fiha żewġ gidmiet. L-ewwel gidma: loġistika. L-indirizz (tal-anqas dawk fl-Italja) tant hu twil u kkumplikat li bosta fornituri Taljani ma jifhmuhx u jħawduh. U mbagħad il-pakk(ett) ma jasalx fl-indirizz tas-SendOn jew jasal imma jintilef… bir-riżultat li trid taħli ammont kbir ta’ ħin biex tara fejn qiegħed u jintbagħatlek.

It-tieni gidma: trid tħallas żejjed ta’ das-servizz. Mela l-ewwel, għal xi raġuni, mhux il-prodotti kollha jintbagħtu Malta. U mbagħad, il-konsumatur irid iħallas żejjed għal dan-nuqqas li mhux ġej mill-konsumatur.

Brexit

L-Ingliżi telqu mill-Unjoni Ewropea, imma rridu nħallsu aħna. Bit-tir li jikkastigaw lill-Ingliżi u jiskoraġġixxu lill-Ewropej milli jixtru mir-Renju Unit, il-ġenji tal-Unjoni Ewropea imponewlna ħlas żejjed meta nixtru mir-Renju Unit u nirċievu l-pakk(ett) bil-posta. Hu minn ewl id-dinja li din hi inġustizzja kbira! Telqu l-Ingliżi, u nħallsu aħna! Imnejn sa fejn?

Numri ta’ referenza

Fl-aħħar nett. Meta jasal oġġett postali minn barra, il-MaltaPost tibgħatlek email b’numru ta’ referenza. Minn dak il-waqt ’il quddiem, fl-emails li tibgħatlek dwar l-istess oġġett, il-MaltaPost ma tibqax issemmi n-numru ta’ referenza. Allura jekk tirċievi aktar minn oġġett wieħed, il-MaltaPost tagħmilhielek ferm diffiċli biex iżomm kont ta’ liema oġġett ġie kkunsinnat u liema għadu jrid ikkunsinnat.

Ir-Regolatur

Tajjeb u aktar minn tajjeb li nkunu favur in-negozju u l-kummerċ. Però ma jistax ikollna – anki f’dan – Wild West sħiħ. Is-suq irid jiġi rregolat ħalli jkun protett il-konsumatur.

F’Malta – kif qalet ukoll il-Kamra tal-Kummerċ – m’hawnx l-idea tal-esperjenza tajba tal-konsumatur. Il-ħsieb dominanti donnu hu li min hu fil-kummerċ kważi kważi lill-konsumatur qed jagħmillu pjaċir.

Din hi idea żbaljata. Min hu fil-kummerċ hu l-konsumatur li qed jagħmel pjaċir lilu jinqeda bis-servizzi tiegħu. Għalhekk il-monopolju hu ħażin. Iżda fejn ma hemmx għażla għall-monopolju, l-Istat għandu jkollu preżenza f’saħħitha u jħares l-interessi tal-konsumatur, b’serjetà u kuxjenza.

Dan hu wieħed minn bosta eżempju ta’ Politika fuq mikro-livell li l-Gvern ta’ Abela lanqas idea m’għandu kif iwettaqha tajjeb. Ma nara l-ebda sforz apprezzabbli f’din id-direzzjoni. Li nara – tista’ tgħid kulfejn inħares – hi attitudni ta’ apatija, qtigħ il-qalb, u dwejjaq b’min jiftaħ ħalqu biex jitlob titjieb fis-servizz.

Il-poplu donnu meqjus ksur id-devozzjoni aktar milli dak li għandu jinqeda, għax għandu bżonn jgħix ħajtu u wkoll ikattar l-ekonomija.

Il-viżjoni ta’ Robert Abela dwar dan kollu donnha mċajpra. Permanentement.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis tal-10 ta’ Lulju, 2025.