Opinjoni

OPINJONI: Il-politika TACO ta’ Trump

Il-politika tat-tariffi ta’ Trump qed tfalli fuq kull front li wieħed iħares (Ritratt: EPA)
L-amministrazzjoni ta’ Trump issa għandha katina ma’ taqta’ xejn ta’ okkażjonijiet fejn b’pompożità kbira ħabbret tariffi kontra pajjiż ieħor mbagħad fl-aħħar minuta posponiet dawk it-tariffi

Angelo Micallef

Il-ġurnalist magħruf Robert Armstrong li jikteb fil-Financial Times kien kiteb artiklu fit-2 ta’ Mejju, propju fi żmien meta l-President Trump kien qiegħed fil-qilla tat-theddid bit-tariffi fuq kull pajjiż fid-dinja li fih hu stqarr, “Regular readers will not be surprised by Unhedged’s view that the recent rally has a lot to do with markets realising that the US administration does not have a very high tolerance for market and economic pressure, and will be quick to back off when tariffs cause pain. This is the Taco theory: Trump Always Chickens Out”.

Minn dak iż-żmien lil hawn it-terminu TACO Politics baqa’ jiġi użat fil-konfront tal-President Trump u l-politika tiegħu dwar it-tariffi. Baqa’ jiġi użat it-terminu TACO jiġifieri ‘Trump Always Chickens Out’ jew bil-Malti ‘Trump dejjem jispiċċa jċedi’ għax propju l-amministrazzjoni ta’ Trump issa għandha katina ma’ taqta’ xejn ta’ okkażjonijiet fejn b’pompożità kbira ħabbret tariffi kontra pajjiż ieħor mbagħad fl-aħħar minuta posponiet dawk it-tariffi.

Meta f’April, Trump ħareġ bil-kartelluni jimponi t-tariffi fuq prattikament kulħadd ħlief fuq ir-Russja, kulħadd inħasad bil-politika aggressiva li kienet qed tadotta l-Istati Uniti. Kulħadd baqa’ mbellaħ meta ġimgħa wara dak il-kliem iebes kollu spiċċa fix-xejn meta Trump ippospona t-tariffi.

Dakinhar imbagħad Trump ħabbar li f’disgħin jum kien se jagħmel disgħin ftehim kummerċjali. Iżda d-disgħin jum għaddew u l-Istati Uniti s’issa għandha biss ftehim kummerċjali mar-Renju Unit, mal-Vjetnam u wieħed parzjali biss maċ-Ċina. Ftehim mal-Indja, il-Kanada, il-Ġappun u l-Unjoni Ewropea għadu bħal donnu kemxejn ’il bogħod milli jimmaterjalizza. X’differenza minn disgħin ftehim għal tliet ftehimiet, li wieħed minnhom huwa biss parzjali (taċ-Ċina) u l-ieħor huwa daħqa fil-wiċċ (dak mar-Renju Unit).

Il-politika tat-tariffi ta’ Trump qed tfalli fuq kull front li wieħed iħares. Ħadd mhu jogħtor quddiem it-theddid ta’ Trump, liema theddid min-naħa l-oħra mill-ewwel ikollu impatt negattiv fuq l-ekonomija Amerikana. Hemm mbagħad il-valur tad-dollaru Amerikan, li matul din is-sena s’issa ra tnaqqis ta’ madwar 10% kontra wħud mill-aktar muniti importanti fuq livell globali.

Imma bħal donnu t-taħwid u l-inkonsistenza mill-White House ta’ Trump ma’ jonqos qatt. Il-kritika tat-TACO Politics qalulna li mhix ġusta għax skont Trump dak li għamel kienu sempliċi mossi normali f’nofs negozjati. U bħallikieku biex jurina kemm hu kuraġġuż issa ħareġ lista oħra ta’ tariffi applikabbli mill-1 ta’ Awwissu, lista li fiha 10 pajjiżi mill-14 msemmija jammontaw għal inqas minn 1% tal-importazzjoni fl-Istati Uniti.

Inlestu għal kull eventwalità

Naturalment ikun żball kbir jekk lil Trump jew l-Istati Uniti qatt neħduhom biċ-ċajt jew bħala xi ħaġa bla konsegwenza. Filwaqt li s’issa Trump dejjem spiċċa ‘he chickened out’ irridu naħdmu b’għaqal u nlestu għal kull eventwalità inkluż li xi darba forsi jasal jimplimenta t-tariffi. Irridu nkunu lesti biex inħarsu lill-konsumatur Ewropew, in-negozjant Ewropew, filwaqt li nkunu lesti b’rispons qawwi u b’saħħtu li jibgħat messaġġ ċar lil Washington li m’aħniex lesti ninkinaw fuq għarkupptejna quddiem l-arroganza grassa ta’ Trump.

X’ħasra li l-Istati Uniti spiċċat f’dan l-istat. X’ħasra li l-Istati Uniti niżlet f’dan il-livell l-aktar baxx. X’ħasra li l-Istati Uniti spiċċat tilfet ir-rispett ta’ kull min jemmen fid-diplomazija u r-rieda tajba.

L-aqwa li Trump jista’ jippoppa sidru, jiftaħar kemm kellu xahar ta’ rebħ għax is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti, fejn il-partit tiegħu għandu maġġoranza, għaddew il-Big Beautiful Bill u ċioè l-liġi li biha tnaqqset l-għajnuna għal dawk vulnerabbli biex ngħataw skontijiet tat-taxxa lil fost l-aktar sinjuri fl-Istati Uniti, filwaqt li jista’ jifraħ għaliex, min tant nies f’din id-dinja, Benjamin Netanyahu innominah għall-Premju Nobel għall-Paċi!

Il-festa t-tajba lill-Balzanin

Matul tmiem din il-ġimgħa f’Ħal Balzan niċċelebraw il-festa ‘ad unur’ Marija Annunzjata. Irrid nibda billi nrodd ħajr lill-voluntieri kollha li jkunu ħadmu xhur sħaħ biex jagħmlu l-festa.

Mill-voluntieri fi ħdan il-parroċċa għal voluntieri fi ħdan l-għaqdiet mużikali jiġifieri s-Soċjetà Filarmonika Marija Annunzjata u l-Każin tal-Banda San Gabriel għall-Kummissjoni Armar fi ħdan iċ-Ċentru taż-Żgħażagħ. Grazzi talli bil-ħidma tagħkom tagħtuna festa mill-aqwa u mill-isbaħ.

Naturalment nieħu din l-opportunità biex nistieden lil kulħadd biex f’dawn il-jiem jingħaqad magħna, speċjalment il-Ħadd filgħaxija meta jkun hemm il-purċissjoni bil-vara maestuża ta’ Marija Annunzjata.

Awguri lill-Balzanin kollha, ejja niċċelebraw flimkien bħala komunità waħda.

Filwaqt li s’issa Trump dejjem spiċċa ‘he chickened out’ irridu naħdmu b’għaqal u nlestu għal kull eventwalità inkluż li xi darba forsi jasal jimplimenta t-tariffi