Lokali Sport

Rapporti dwar tfajla ta’ dixxendenza Maltija li hi l-imħabba l-ġdida ta’ Cristiano Junior

Attwalment, il-captain tal-Portugall, Cristiano Ronaldo hu l-aktar persuna bl-akbar ammont ta’ segwaċi fuq il-midja soċjali. Il-plejer ta’ Al-Nassr, hu l-uniku persuna fid-dinja li fil-mument jaqbeż il-biljun persuna li ssegwih, bl-aħħar ammont reġistrat hu dak ta’ 1.02 biljun persuna, li ssegwi lill-iskorer prolifiku ta’ 40 sena, fuq il-pjattaformi soċjali kollha tiegħu.

Ronaldo saħansitra jissupera, u mhux bi ftit lil Selena Gomez, li attwalment tikklassifika fit-tieni post, bi ftit inqas minn 700 miljun li ssegwi l-profili tagħha fuq il-midja soċjali.

It-tifel ta’ Cristiano, Cristiano Junior, jidher li miexi sew fuq il-passi ta’ missieru; kemm bħala plejer tal-futbol iżda wkoll fil-popolaritá tiegħu fuq il-midja soċjali. Cristiano Junior għad għandu 15-il sena u l-pjattaformi soċjali tiegħu qed jikbru fil-popolaritá jum wara l-ieħor.

Bħal missieru, Cristiano Junior jieħu gost bl-attenzzjoni u fuq il-meżżi soċjali diġà qed ikun kreattiv biżżejjed li jtella’ kontenut awtentiku li tkompli tagħmlu popolari speċjalment ma’ żgħażagħ tal-etá tiegħu.

Skont l-aħħar kontenut li qed jidher fuq il-midja soċjali, dan l-aħħar Cristiano Junior qed ikun fil-kumpanija ta’ tfajla influencer ta’ 17-il sena, b’kunjom Malti; Myra Bonnici. It-tfajla hi Awstraljana u fuq il-midja soċjali hi popolari ferm fil-qasam tal-moda u l-ivvjaġġar.

L-għajdut li qed iduru fuq il-midja soċjali qed jgħidu li Myra, hi Maltija-Awstraljana, hi l-imħabba l-ġdida ta’ Cristiano Junior. Fl-aħħar filmati u videos fuq il-midja soċjali, it-tnejn li huma jidhru flimkien, u jidher li bejn it-tnejn hemm aktar minn sempliċiment ħbiberija.

Jekk dan hu l-każ, allura qalb Cristiano Junior irnexxilha tinsteraq minn tfajla b’dixxindenza Maltija.