Sport

Tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tal-Ewropa tal-Blackbal

Il-Malta Blackball Federation organizzat it-tielet tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tal-Ewropa tal-Blackball li se jsir fil-belt ta’ Ennis, fl-Irlanda.

Fil-finali l-aktar mistennija tal-irġiel, Johan Attard għeleb lil Gary Carr 10-8. Kienet finali inċerta sal-aħħar b’Johan Attard li kien preċiż fl-azzjonijiet tiegħu iżda Carr b’xi mod dejjem wettaq reazzjoni biex baqa’ fil-partita.

Il-finali bejn Matthias Debono u Nordai Desira fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena kienet ukoll waħda bilanċjata fejn Matthias Debono rebaħ 9-8.

Raymond Caruana xejn ma sabha faċli biex jirbaħ il-finali ta’ ‘l fuq minn 40 sena meta għeleb lil Jesmond Schembri 10 – 9 filwaqt li Brian Grech kiseb rebħa tajba ta’ 8 – 3 kontra Manuel Saliba fil-finali ta’ ‘l fuq minn 60 sena.

Finali u wirja mill-aktar pożittiva minn Dielyn Edwards fejn rebaħ il-finali ta’ taħt il-15-il sena meta għeleb lil Ezekiel Ciantar 9-2.

Il-ħames plejers li rebħu dawn il-finali kisbu d-dritt li jilagħbu mat-tim nazzjonali Malti fil-Kampjonat tal-Ewropa li se ssir f’Novembru li ġej.