Internazzjonali

UE: Ma jgħaddix il-vot ta’ sfiduċja fil-Kummissjoni ta’ Von der Leyen

Ursula von der Leyen u l-Kummissjoni Ewropea salvaw minn vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Ewropew. Proċess li fih, 175 deputat Ewropew ivvutaw favur il-mozzjoni ta’ ċensura, bi 360 jivvutaw kontra u bi 18-il MEP jastjenu.

B’hekk ukoll, il-175 deputat li esprimew sfiduċja fil-Kummissjoni kienu anqas sew mill-maġġoranza taż-żewġ-terzi meħtieġa fl-Assemblea biex mozzjoni bħal din tkun effettiva.

Von der Leyen ma kenitx preżenti għall-vot u minkejja l-verdett favorevoli, il-vot xorta waħda ħalliha f’sitwazzjoni pjuttost vulnerabbli. Dan ukoll meta żdiedu d-dubji dwar il-livell tal-appoġġ għall-aġenda tal-President tal-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew.

Min-naħa tagħhom, is-Soċjalisti u l-grupp tad-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew insistew dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-baġit fit-tul għall-Ewropa biex jesprimu l-appoġġ tagħhom lil Von der Leyen.

Il-wiegħda li kisbu, issa, għandha tgħaddi għall-prattika l-ġimgħa d-dieħla u ladarba l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tkun ippubblikata.

Sadanittant, il-Patrijotti għall-Ewropa u l-grupp Ewropa għall-Pajjiżi Sovrani – it-tnejn entitajiet politiċi tal-lemin fl-Assemblea –  ivvutaw favur il-mozzjoni.  Magħhom ivvutaw ukoll ħafna fost il-Konservattivi u Riformisti Ewropej, flimkien ma’ ftit delegazzjonijiet li jħaddnu politika tax-xellug.