Lokali

Wara l-istorja tal-ħelikopters, il-Gvern jaħbi wkoll il-fatt li l-akbar u l-iġded patrol boat tal-Forzi Armati tinsab bil-ħsara

Il-PN ikompli jikxef il-ħabi tal-Gvern dwar is-sitwazzjoni fl-Armata; in-nuqqas ta’ ppjanar qed iħalli riperkussjonijiet serji fuq l-AFM

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-ħabi ta’ informazzjoni mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol dwar is-sitwazzjoni fil-Forzi Armati ta’ Malta u n-nuqqas ta’ investiment kif jixraq fl-Armata ta’ pajjiżna.

Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, fi stqarrija maħruġa llum.

Din il-ġimgħa, permezz ta’ informazzjoni li kisbet u ressqet l-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament, sar magħruf li l-Gvern kien qed jaħbi l-fatt li l-bastiment P71 reġa’ jinsab bil-ħsara. Din hi l-iġded patrol boat li għandha l-Armata Maltija u suppost hi l-bastiment prinċipali tal-Forzi Armati.

Li kieku ma kinitx għall-informazzjoni li żvelat l-Oppożizzjoni fil-Parlament, dan il-fatt li jħammar wiċċ il-Gvern Laburista kien jibqa’ mistur.

Il-P71 – li ġiet ikkummissjonata fl-2023 – hi l-akbar patrol boat fil-flotta tal-Armata Maltija, u swiet lill-poplu Malti ftit inqas minn €50 miljun.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed pubblikament jitlob ukoll lill-Gvern Laburista jispjega u jikkonferma jekk il-garanziji kuntrattwali li hemm (jew li kien hemm) fis-seħħ mal-kumpanija Taljana li rebħet is-sejħa pubblika għall-prezz ta’ kważi €50 miljun – ġewx affettwati minħabba l-fatt li l-istess kumpanija ressqet talba quddiem il-Qorti Taljana ta’ Rovigo biex titqiegħed fi proċedura ta’ ristrutturar preventiv, għaliex kienet esposta għall-probabbiltà ta’ falliment – sakemm riċentement, skont sorsi pubbliċi, din il-kumpanija nxtrat minn kumpanija Taljana oħra għall-prezz ta’ €8.2 miljun.

B’rabta mal-istess bastiment, il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għal Mistoqsijiet Parlamentari oħra li ma ngħatatx tweġiba sħiħa għalihom. Fosthom dwar għalfejn f’missjoni ta’ salvataġġ f’Derna. fil-Libja. f’Settembru 2023, kellu jintuża l-bastiment P61 li ġie kkumissjonat fl-2005, u mhux il-P71.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li l-Gvern ħeba l-fatt – li minn flotta ta’ ħames ħelikopters li għandhom il-Forzi Armati ta’ Malta, preżentement wieħed biss qed jaħdem.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Forzi Armati ta’ Malta ħaqqhom aħjar, u n-nuqqas ta’ investiment kif jixraq mill-Gvern qed ipoġġi f’riskju lis-suldati tal-Armata.