Sport Sport Ieħor

Alcaraz kontra Sinner fil-finali ta’ Wimbledon

Ritratt: EPA

Jannik Sinner se jaffronta liċ-champion attwali Carlos Alcaraz fil-finali ta’ Wimbledon wara li għeleb lil Novak Djokovic, b’dan tal-aħħar jkompli jfittex li jirbaħ il-25 Grand Slam tal-karriera tiegħu.

Sinner għeleb lil Djokovic fi straight sets 6-3 6-3 6-4 biex għadda għall-ewwel finali f’Wimbledon fil-karriera tiegħu, fejn issa se jkun qed jaffronta lil Carlos Alcaraz, f’dik li se tkun replika tal-finali ta’ Roland Garros, tax-xahar li għadda.

Statistika interessanti hi li kemm Sinner jew Alcaraz, kienu involuti fl-aħħar sitt finali tal-Grand Slams, b’Sinner qed ifittex l-ewwel Grand Slam tiegħi lil hinn mill-‘hard courts’. Alcaraz, min-naħa l-oħra rebaħ dan it-turnament darbtejn fil-karriera tiegħu, fl-aħħar sentejn konsekuttivi.

Qabel dan it-turnew, Djokovic ammetta li probabbilment dan kien l-aħjar ċans għalih li jikser ir-rekord tal-aktar Grand Slams mirbuħa. Wara li Sinner iddomina l-ewwel żewġ setts, Djokovic għamel reazzjoni fit-tielet sett, iżda Sinner rebaħ il-ħames logħba fi triqtu biex għamilha għall-ħames finali ta’ Grand Slam tiegħu.

B’din ir-rebħa Sinner issa rebaħ l-aħħar sitt konfronti kontra Djokovic, iżda din kienet l-ewwel darba li rebaħlu fuq il-ħaxix. Qabel il-partita kien hemm dubji wkoll fuq il-kundizzjoni fiżika taż-żewġ tennisti, fejn filwaqt li Sinner ma deherx affetwat mill-injury li kellu fil-minkeb, Djokovic kellu bżonn l-assistenza medika fit-tieni sett.