Birkirkara reġgħu rritornaw jirbħu f’kompetizzjoni Ewropea meta l-bieraħ għelbu lil CS Petrocub 1-0, fl-ewwel leg tal-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
L-Istripes kienu llhom ma jiksbu rebħa f’logħba kompetittiva ta’ kompetizzjoni tal-UEFA sa minn nhar id-29 ta’ Lulju 2021, meta f’pajjiżna stess, huma kienu għelbu lil Olimpija Ljubljana tas-Slovenja 1-0.
Fil-konfront tal-bieraħ il-Ħamis, Birkirkara rebħu b’gowl waħdini skorajt kmieni fit-tieni taqsima minn azzjoni personali tad-debuttant Geoffrey Acheampong. Dan tal-aħħar hu wieħed mill-akkwisti l-ġodda tal-Istripes għall-istaġun 2025/26.