Futbol Sport

“Għadna ma ksibna xejn, u nafu wkoll li t-tieni logħba fil-Moldova se tkun waħda diffiċli” – Stefano D’Angelis, kowċ ta’ Birkirkara

Il-kowċ ta' Birkirkara, Stefano D'Angelis kien pożittiv fil-kummenti tiegħu wara r-rebħa minima kontra FC Petrocub Hincesti tal-Moldova (ritratt ta' Birkirkara FC)
Il-kowċ ta' Birkirkara, Stefano D'Angelis kien pożittiv fil-kummenti tiegħu wara r-rebħa minima kontra FC Petrocub Hincesti tal-Moldova (ritratt ta' Birkirkara FC)

Birkirkara kien it-tielet tim Malti li daħal fl-azzjoni din il-ġimgħa fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA għall-klabbs, meta lbieraħ il-Ħamis, fl-Istadium taċ-Ċentinarju, huma għelbu lil FC Petrocub Hincesti tal-Moldova 1-0.

Kien gowl ta’ Geoffrey Acheampong, wieħed mill-plejers debuttanti ta’ Birkirkara, li skorja l-gowl li għamel id-differenza kollha, kmieni fil-bidu tat-tieni taqsima.

Geoffrey Acheampong jiċċelebra l-gowl waħdini li permezz tiegħu Birkirkara rebħu l-ewwel leg, mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League (Ritratt ta’ Birkirkara FC)

Wara din ir-rebħa, Stefano D’Angelis, kowċ tal-Istripes, faħħar il-prestazzjoni tal-plejers tiegħu u qal li dan kien bidu tajjeb “speċjalment meta tikkonsidra li konna qed nilagħbu kontra avversarji li huma fost l-aqwa li preżentament hemm fil-futbol Moldovan.”

Il-kowċ Taljan, fit-tieni sena tiegħu ma’ Birkirkara, irrimarka wkoll li “Petrocub, diġà lagħbu l-ewwel tliet match days tas-Super Liga, il-Kampjonat ta’ pajjiżhom. Dan il-fatt lejn l-aħħar tal-partita bdejna nħossuh aktar tant li spiċċajna b’diversi plejers li temmew il-konfront b’bugħawwieġ f’saqajhom.”

Iżda anke jekk ir-rebħa ta’ Birkirkara kienet waħda minima, l-eks assistant kowċ ta’ Ħamrun Spartans saħaq li “llum għalina kien importanti, li mhux biss niksbu r-riżultat iżda ma nsofrux gowl. Fit-tieni taqsima biddilna xi ftit l-affarijiet u konna aħjar għaliex fl-ewwel taqsima bdew jagħmluna l-ħsara bil-plejers tagħhom f’nofs il-grawnd.”

“Petrocub, diġa’ lagħbu l-ewwel tliet tliet match days tas-Super Liga, il-Kampjonat ta’ pajjiżhom. Dan il-fatt lejn l-aħħar tal-partita bdejna nnħossuħ aktar tant li spiċċajna b’diversi plejers li temmew il-konfront b’ bugħawwieġ f’saqajhom.” – Stefano D’Angelis, kowċ ta’ Birkirkara

D’Angelis fisser kif b’rebħa ta’ 1-0, “għadna ma ksibna xejn, u nafu ukoll li t-tieni logħba fil-Moldova se tkun waħda diffiċli.”

D’Angelis saħansitra sejjaħ it-tieni logħba kontra FC Petrocub Hincesti bħala ‘battalja’ għaliex Birkirkara “se jkunu qed jilgħabu f’grawnd żgħir, b’futbol li mistenni jkun aggressiv.”

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-kowċ Taljan saħaq li “issa l-aktar ħaġa importanti wara r-rebħa tal-llum hi li nirkupraw l-enerġija tagħna u nippreparaw għall-partita ta’ nhar il-Ħamis li ġej, bl-istess mod ta’ kif ħdimna u ppreparajna għal din l-ewwel partita tal-lum.”