Fl-istess ġurnata li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ilbieraħ ħabbar li l-popolazzjoni f’Malta issa qabżet il-574,000 persuna – b’wieħed minn kull tliet persuni f’Malta llum huwa barrani – il-Gvern kumbinazzjoni ftakar li f’Jannar kien wiegħed li se jbiddel ir-regoli dwar kif il-ħaddiema barranin jistgħu jidħlu f’Malta u f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li se jibda jimplimenta l-miżuri tal-Malta Labour Migration Policy mix-xahar id-dieħel.
Kitbu dan ix-Shadow Ministers, Darren Carabott u Ivan Castillo, fi stqarrija fejn qalu kif din mhi xejn ħlief konferma tal-paniku li jinsab fih il-Gvern Laburista wara li kompla jkabbar il-popolazzjoni ta’ Malta bla pjan, u mingħajr l-ebda viżjoni fit-tul, b’reazzjonijiet tal-mument u mingħajr l-ebda direzzjoni ekonomika ċara.
Il-Gvern nesa jsemmi li l-problema tat-tkabbir tal-popolazzjoni mingħajr l-ebda kontroll hi problema li ħoloq hu stess – u li m’għandux idea kif se jsolviha, lil hinn mill-eżerċizzji ta’ marketing u l-konferenzi tal-aħbarijiet.
Wara 13-il sena jmexxi mudell ekonomiku mibni fuq il-kwantità minflok il-kwalità, il-Gvern Laburista issa sab ruħu maqbud f’realtà soċjali li ma għandu l-ebda kontroll fuqha: infrastruttura li qed togħtor, setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni li mhumiex ilaħħqu, u traffiku staġnat.
Stqarrew kif, Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li sal-lum, il-Gvern għadu ma ppubblikax il-Labour Market Research Study, li ilu jinżamm moħbi xhur sħaħ, u li fuqu suppost kienu mibnija d-deċiżjonijiet dwar id-dħul ta’ eluf ta’ ħaddiema f’dawn l-aħħar 13-il sena.
Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet għal dan il-qasam, u kien għalhekk li nieda dokument b’miżuri mibnija fuq politika ta’ immigrazzjoni serja, sostenibbli u bbażata fuq viżjoni ekonomika ċara. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li politika dwar il-ħaddiema barranin trid tkun parti minn viżjoni usa’ ta’ fejn irridu mmorru bħala pajjiż, mhux reazzjoni populista għaċ-ċifri tal-lum.
Ix-Shadow Ministers, saħqu dwar il-ħtieġa ta’ politika dwar id-dħul ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna bbażata fuq mudell ekonomiku ġdid: li minflok ikabbar l-ekonomija biż-żieda fil-popolazzjoni, imur għal mudell ekonomiku li jrendi tkabbir ta’ kwalità, bil-ħolqien ta’ inizjattivi u investimenti li jrendu aktar, mingħajr ma joħolqu piż bid-domanda għal ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi.
Fil-proposti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ biex l-immigrazzjoni fis-suq tax-xogħol tkun marbuta ma’ pjan ekonomiku fit-tul, bl-identifikazzjoni tal-oqsma fejn hawn bżonn il-ħaddiema, u b’sistema li tattira nies b’ħiliet li jżidu valur reali għall-ekonomija tagħna. Il-PN jrid li kull politika għal dan il-qasam tkun ibbażata fuq studji ċari, mhux fuq għażliet ta’ konvenjenza jew fuq il-perċezzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll li b’perjodu ta’ konsultazzjoni li kien twil biss 32 jum, ma sarx proċess ta’ konsultazzjoni serju min-naħa tal-Gvern. Il-perjodu li matulu ntlaqgħu r-reazzjonijiet għad-dokument ta’ konsultazzjoni ppubblikat f’Jannar għalaq fid-9 ta’ Frar. Huwa ċar li l-Gvern jinsab f’paniku għax kellu jasal Lulju u joħorġu ċ-ċifri tal-bieraħ tal-NSO biex wara sitt xhur il-Gvern jiċċaqlaq.
Temmew jgħidu li, Malta tinħtieġ politika ta’ immigrazzjoni li tkun strutturata, ġusta u trasparenti. U l-PN huwa impenjat li jkompli jressaq soluzzjonijiet konkreti li jagħmlu sens għall-Maltin u Għawdxin. Għax Malta jixirqilha politika b’viżjoni fit-tul, mhux gvern medhi fil-U-turns in-knee-jerk reactions.
//= $special ?>