Lokali

“Ħlas eżorbitanti biex ġiet preżentata s-serata tal-Film Awards” – MEIA

L-Assoċjazzjoni tal-Arti u l-Industrija tad-Divertiment (MEIA) fi stqarrija esprimiet diżappunt għall-eluf li ngħataw lill-komiku David Walliams biex preżenta l-Film Awards. Dan meta producers lokali li daħħlu x-xogħol tagħhom għal dan l-avveniment, ingħataw inċentiv żgħir ta’ €250 – waqt li serata waħda ġiet tiswa minimu ta’ 5 miljuni. B’nefqa deskritta “eżorbitanti” propju fuq il-preżentatur.

L-MEIA insistiet li festival bħal dawn m’għandhomx ikunu biss serati ta’ divertiment u xalar, iżda okkażjonijiet biex l-artisti lokali u dawk kollha involuti f’din l-industrija jkunu jistgħu jibnu rabtiet aktar b’saħħithom.

Fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dan is-settur appellat biex festivals futuri jkunu aktar “inklussivi”. Apparti minn hekk, l-MEIA fakkret li l-pajjiż għadu mingħajr Film Policy nazzjonali – xi ħaġa li ilhom jitkellmu dwarha.

Dwar din il-kwistjoni, l-MEIA għadha qed tistenna rispons minn naħa tal-Kummissarju Johann Grech.

Fil-fatt, fl-istess stqarrija, l-assoċjazzjoni tappella għal diskussjoni kostruttiva magħhom u ma’ stakeholders oħrajn f’din l-industrija tant importanti.

Finalment, sar appella biex il-Mediterrane Film Festival ma jibqax biss okkażjoni ta’ “marketing” iżda jkun tassew pjattaforma li ssawwar b’mod ġenwin dan is-settur li għandu potenzjal enormi.