Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Pazjenti u midruba jispiċċaw ‘f’art ta’ ħadd’ …

L-akbar sptar ta’ Gaza li għadu qed jiffunzjona kapaċi jiffaċċja kroll diżastruż minħabba n-nuqqas akut ta’ fuel għas-servizzi tiegħu….U l-periklu qed jikber rminn siegħa għall-oħra, meta l-militar ta’ Iżrael qed ikompli bl-offensiva qalila fuq it-terroristi tal-Ħamas fil-belt ta’ Khan Younis.

Is-sitwazzjoni fil-Kumpless Mediku ta’ Nasser tant saret iddisprata li, fl-aħħar sigħat, ma baqgħux ikunu ammessi l-pazjenti, inklużi l-persuni midruba gravi bl-effetti tal-konflitt. Dan ukoll fost rapporti li t-truppi u t-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani avvanzaw lejn l-artijiet ta’ ċimiterju, 200 metru biss ‘il bogħod mill-isptar, u fejn sparaw għal fuq sit tal-kampijiet għall-familji Palestinjani refuġjati.

Il-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, laħaq irtira mill-inħawi…Iżda l-istaff mediku, flimkien ma’ għexieren tal-pazjenti, għadhom magħluqin fl-isptar,  f’sitwazzjoni fejn in-nuqqas ta’ fuel kien qed jidher detrimentali għas-servizzi tal-isptar biex isalvaw il-ħajja tal-pazjenti u l-midruba.

L-Armata Iżraeljana ma kummentatx dwar l-iżviluppi u qalet biss li waħda mill-brigati armati tagħha kienet qed tipprova telimina ‘il-faċilitjaiet tat-terroristi tal-Ħamas’ fil-madwar tal-isptar. Dan ukoll wara li l-Iżraeljani kienu ħarġu d-direttivi għall-evakwazzjonijiet tal-Palestinjani miz-zoni qrib il-Kumpless ta’ Nasser.