Lokali

“Il-kaos fil-Labour: Neville Gafà jattakka lil Owen Bonnici; Robert Abela jiddefendi lill-Ministru” – PN

L-esponent tal-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour jgħid li l-Laburisti bħalissa kollha qed jitkellmu dwar il-‘porkerija’  tal-Gvern

Il-kaos fil-Labour ikompli jikber.

L-akkużi ta’ Neville Gafà fuq il-Ministru Owen Bonnici għadhom ma ġewx miċħuda minn Robert Abela. Anzi, Abela qed jibqa’ joħroġ għoqnu għal  Bonnici.

Fl-aħħar sigħat Neville Gafà tkellem dwar dik li sejħilha “porkerija” li l-Laburisti kollha bħalissa qed jitkellmu dwarha, u qal li din kienet “ġimgħa ta’ estravaganza fil-Forti tar-Rikażli li jeħtieġ €200 miljun biex jiġi restawrat”. Gafà qed jikxef it-tberbiq bla rażan ta’ Owen Bonnici u jakkużah li qed juża flus il-poplu biex hu u mistednin tiegħu jiddandnu, jixorbu u jpejpu minn fuq dahar in-nies.

Dan intqal fi stqarrija minn Julie Zahra ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura, fejn saħqet li hu evidenti li l-qasmiet fi ħdan il-Labour qegħdin kulma jmur dejjem jikbru, u Robert Abela qed isib ruħu dejjem aktar dahru mal-ħajt hekk kif ma jafx lil liema alla jrid iservi.

La hu daqsekk komdu joħroġ għonqu għal Owen Bonnici u jiddefendi n-nefqiet eżorbitanti għall-Film Festival u l-parties organizzati għall-elitisti, Robert Abela għandu minnufih jispjega fid-dettall kif u fejn nefaq il-miljuni mit-taxxi tal-poplu fl-aħħar ġimgħat. Skont Neville Gafà n-nefqa tal-aħħar jiem kienet b’kollox ta’ kważi 14-il miljun ewro. Anke d-Delegat Speċjali tal-Labour Jason Micallef ħareġ jeħodha qatta’ bla ħabel kontra l-ħniżrijiet tal-Ministru Bonnici u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

Filwaqt li ċorma żgħira ta’ nies kienu qed jixxalaw fil-Forti, l-anzjani tagħna għadhom bil-mediċini out-of-stock u fuq il-waiting lists għad-djar tal-anzjani, il-pazjenti għadhom bla sptar tas-saħħa mentali, bla sptar ġdid f’Għawdex u bil-hub ta’ Raħal Ġdid magħluq, u l-investiment fl-iskejjel għal uliedna nixef.  Għal dawn, il-Gvern Laburista mhux isib flus.

Għat-tbażwir u l-ġlied fil-Labour m’għandux iħallas iċ-ċittadin.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela u Owen Bonnici jippreżentaw minnufih kull kont marbut mal-Film Festival u ma’ kull ċelebrazzjoni li tħallset mit-taxxi tal-poplu. Dawn huma flus il-ħaddiem, u l-ħaddiem għandu d-dritt sagrosant li jkun jaf kif intefqu.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li Robert Abela jiċħad b’mod immedjat dak li qed tallega l-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour meta titkellem dwar użu sfaċċat u fil-miftuħ ta’ kokaina waqt dawn l-attivitajiet.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif meta kien fil-Gvern kien hu li poġġa l-pedamenti għall-industrija tal-films f’pajjiżna, b’investimenti għaqlin u sostenibbli, fosthom it-twaqqif tal-Kummissjoni tal-Films u l-immodernizzar tal-Malta Film Studios. Il-PN nieda wkoll l-ewwel skema ta’ cash rebate li kienet strumentali biex Malta bdiet tattira produzzjonijiet barranin, u dan mingħajr ma tpoġġi piż sproporzjonat fuq il-fondi pubbliċi.

Għall-kuntrarju ta’ dan kollu, taħt il-Gvern Laburista, l-infiq pubbliku sploda għal livelli rekord u aktar berbaq flus f’festivals u ċerimonji milli biex jinvesti bis-serjetà f’dan il-qasam, fl-artist lokali u fil-produzzjonijiet Maltin.

Il-Gvern Laburista aktar moħħu biex iberbaq il-flus biex jixxala minn fuq dahar il-ħaddiem Malti milli biex jikseb reputazzjoni serja fl-industrija tal-films fost l-oħrajn.

Verament, min mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra.