Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, iddikjarat li t-terminazzjoni tal-kuntratt dwar skart magħmula mill-Kunsill Lokali tar-Rabat kontra s-soċjetà Synthesis Management Services Limited kienet abbużiva u illegali. Il-kawża kienet tifforma parti minn tilwima legali li ilha għaddejja sa mill-2021.
Il-Qorti kkundannat lill-Kunsill Lokali tar-Rabat mmexxija mis-Sindku Laburista Sandro Craus (ritratt) is-somma ta’ €25,055.96, bl-imgħax bir-rata ta’ 8% dekorribbli mid-data tas-sentenza sad-data tal-effettiv pagament. Dan f’kawża li saret minn Synthesis Management Services Limited kontra l-Kunsill Lokali tar-Rabat, irrappreżentat mis-Sindku Sandro Craus u s-Segretarju Eżekuttiv Anthony Bonello.
Synthesis kienet ingħatat il-kuntratt biex isservi bħala “Contracts Manager” għall-Kunsill wara sejħa pubblika fl-2018, iżda fl-ottubru tal-2021 irċeviet diversi default notices u eventwalment ittra ta’ terminazzjoni b’akkużi li l-kuntratt ma kienx qed jiġi osservat kif suppost.
Madankollu, il-Qorti nnotat li dawn l-ittri ta’ terminazzjoni ma ġewx notifikati b’mod formali, u ġew mogħtija “by hand” lill-impjegat tas-Synthesis, Raphael Carabott, waqt żjara fl-uffiċċju tal-Kunsill. Il-Qorti enfasizzat li l-kuntratt li kien qed jirregola r-relazzjoni bejn il-partijiet jitolbu li tingħata notifika ta’ seba’ ijiem biex il-kuntrattur jirranġa kwalunkwe nuqqas, iżda dan ma sarx.
Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet li ġew irrapportati kontra Synthesis minn handyman tal-Kunsill ma ġewx sostanzjati b’mod ċar, u ma ngħatatx opportunità lis-soċjetà li tirrispondi għall-akkużi – xi ħaġa li l-Qorti qieset bħala ksur tal-prinċipju ta’ smigħ ġust.
“Il-Kunsill kellu jisma’ lill-kontra-parti qabel jieħu deċiżjoni daqshekk drastika,” qalet il-Qorti, filwaqt li żiedet li l-laqgħa tas-27 t’Ottubru 2021, li fiha ġiet approvata l-azzjoni tat-terminazzjoni, saret wara li d-deċiżjoni diġà kienet ittieħdet.
Minn dak li semgħet il-Qorti qalet li tifhem illi l-Kunsill Lokali tar-Rabar kien qed jirrikonoxxi illi xogħolha s-soċjetà kienet qed tagħmlu, u tagħmlu sew. Saret ukoll allegazzjoni illi kien hemm ilment fil-konfront tal-kumpanija meta Carabott wissa lil wieħed mill-ħaddiema ta’ kuntrattur għaliex ma kienx liebes l-uniformi proprja, iżda kien bix-xorts għax kienet bdiet is-sħana.
Madanakollu, fost l-obbligi illi kellu l-kuntrattur taż-żamma tal-indafa fit-toroq, kien hemm illi l-impjegati tal-kuntrattur kellhom ikunu liebsa uniformi konsistenti, f’qalziet ta’ kulur skur. Il-Qorti għalhekk tirrileva illi Carabott kien qiegħed jagħmel xogħlu meta ġibed l-attenzjoni t’impjegati tal-kuntrattur illi ma kienx liebes l-uniformi kif suppost.
l-Qorti għalhekk ma tqisx illi l-Kunsill Lokali verament għażel illi jittermina l-kuntratt a bażi tal-fatt illi s-soċjeta’ rikorrenti ma kinitx qed tesegwixxi l-obbligi minnha assunti bil-kuntratt mertu talkawża odjerna; iżda temmen illi bejn is-soċjeta’ rikorrenti u l-Kunsill Lokali intimat inħolqot kwestjoni ta’ pika illi eskalat.
Sindku pikuż
Dan il-Qorti tista’ tirriskontrah b’mod partikolari fl-e-mail tas-Sindku Craus datata Awwissu 2021 lil rappreżentanti tal-kuntrattur Waste Collection Ltd, illi fiha ma ġiex ikkopjat is-Sur Carabott, illi tingħalaq bil-kliem,
“Nixtieq li kull komunikazzjoni tagħkom mil-lum ‘il quddiem tkun mas-Segretarju Eżekuttiv jew miegħi.” Il-Qorti tippretendi illi s-Sindku kellu jara kif iġib l-għaqda u jirrimedja s-sitwazzjoni bejn il-kuntratturi u l-Contracts Manager, mill-inqas sa ma jagħlaq it-terminu kopert bil-kuntratt, u mhux ikompli jagħtiha n-nar billi jordna illi jinqabeż il-Contracts Manager, illi xogħlu kien preċiżament illi jagħti rendikont ta’ kif ikunu qed jagħmlu xogħolhom il-kuntratturi.
Għaldaqstant, anke li kieku, għall-grazzja tal-argument biss, kellu jiġi injorat il-fatt illi, sabiex ġie terminat il-kuntratt ma ġietx adoperata l-proċedura stabbilita skont il-kuntratt, xorta waħda ma jirriżultax lil din il-Qorti illi kien hemm raġuni illi għaliha l-kuntratt kellu jiġi terminat qabel ilwaqt.
Il-Qorti qalet li l-azzjoni għad-dikjarazzjoni li t-terminazzjoni tal-kuntratt ma’ Synthesis bħala “Contracts Manager” kienet abbużiva u illegali, flimkien ma’ talba għal likwidazzjoni u ħlas ta’ danni li kienu milqugħa.
Fl-2018, Synthesis kienet inkarigata taħt kuntratt ma’ Rabat LC bħala Contracts Manager wara sejħa pubblika. Fit-8 u 13 t’Ottubru 2021, ġew sottomessi default notices kontra Synthesis, ibbażati fuq rapport ta’ Paul Tanti, handyman mal-Kunsill.
Fit-13 t’Ottubru 2021 saret ittra ta’ terminazzjoni immedjata. L-ittri ma ġewx formalment notifikati, imma ġew “mogħtija by hand” lil Raphael Carabott meta kien fl-uffiċċju tal-Kunsill fil-25 ta’ Ottubru 2021. Synthesis oġġezzjonat u bagħtet żewġ ittri legali fit-26 ta’ Ottubru u l-8 ta’ Novembru 2021.
Madankollu, il-Kunsill Lokali saħaq fuq it-terminazzjoni u laqgħa tas-27 t’Ottubru 2021 kkonfermat it-tmiem tal-kuntratt.
Il-Qorti ċċarat li t-terminazzjoni kienet abbużiva u illegali, għax ma ntweriex li sar nuqqas gravi minn Synthesis; Il-proċedura stipulata fil-kuntratt ma ġietx segwita; Ma ngħatatx opportunità ta’ smigħ lis-soċjetà.
Is-sentenza tgħid ukoll li l-Kunsill Lokali għandu jerfa’ r-responsabbiltà għad-danni li ġarrbet is-Synthesis. Il-Qorti ordnat likwidazzjoni ta’ danni (possibilment permezz ta’ esperti nominati) relatati mat-telf ta’ dħul bejn Awwissu 2021 u Jannar 2022.
Il-punti legali jgħidu li: Klawsoli ta’ terminazzjoni fil-kuntratt iridu jiġu osservati b’mod strett, speċjalment meta hemm penali jew effetti serji involuti. Principju ta’ smigħ ġust (audi alteram partem) japplika wkoll fi ħdan korpi amministrattivi bħal Kunsilli Lokali. Default notices għandhom ikunu ċari, konformi mal-kuntratt u għandhom jagħtu ċans għal korrezzjoni qabel ma tittieħed azzjoni drastika bħal terminazzjoni.
Referenza: