Il-grupp tas-separatisti Kurdi PKK, fl-aħħar sigħat, organizza ċerimonja bħala l-ewwel pass simboliku ta’ proċess għal diżarm storiku.
Dan il-grupp – indikat bħala entità terroristika mit-Turkija, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea – kien ilu madwar 40 sena jiġġieled kontra l-Gvern Tork bil-ħsieb li jwaqqaf Stat tal-Kurdi indipendenti fl-artijiet lejn ix-xlokk tat-Turkija.
Intant, Abdullah Ocalan, il-kap tal-PKK li ilu s-snin jinżamm fi stat ta’ priġunerija fit-Turkija, ikkonferma li l-grupp tiegħu qed jagħmel it-tranżizzjoni mill-konflitt armat għall-fażi tal-politika demokratika u ħarsien tal-liġi.
Fl-aħħar sigħat, l-għexieren tal-ġellieda Kurdi kienu qed jabbandunaw l-armi f’sit speċifiu bħala parti mill-proċess tad-diżarm li mistenni jdum għaddej sal-aħħar tas-sajf.
Il-Gvern Tork, intant, qal li din iċ-ċermonja għandha titqies bħala ‘ġest importanti ħafna għall-garanzija ta’ pajjiż (it-Turkija) ħieles mit-terrur’.
Mietu ‘il fuq minn 40,000 mill-bidu tal-konflitt bejn il-PKK u t-Turkija, matul is-snin tmenin. Intant, l-effetti tad-diżarm attwali mill-PKK qed jinħassu mhux biss fit-Turkija iżda anki fl-Iraq, is-Sirja u l-Iran, fejn hemm il-komunitajiet imdaqqsin tal-Kurdi.
//= $special ?>