Issa battalja fil-miftuħ. Johann Grech ħareġ igiddeb lil Neville Gafà. Bil-Kummissarju tal-Films jgħid li dan l-esponent ewlieni tal-Labour qed jagħmel insinwazzjonijiet malafamanti u mhux veritiera – dan wara li kiteb dwar Film Festival dominat mill-ifjen inbejjed u sigarri. U sitwazzjonijiet fejn min fettilu saħansitra mar jintefa’ “jteftef fil-bajda”.
Din hija ġimgħa li Gafà sejħilha “porkerija”. Fejn kulħadd jaf “min ħa sehem f’orġja nhar l-Imnarja”.
Iżda Johann Grech, permezz ta’ email li bagħat bi tweġiba għad-domandi ta’ dan l-istazzjon, stqarr li dan kollu huwa gideb u diskors malafamanti.
Kien f’nofs din il-ġimgħa meta Neville Gafà insista li l-Film Festival kien porkerija ta’ oxxenitajiet grassi u malizzjużi; li ġab miegħu xkora dnubiet ħorox.
Neville Gafà spjega li l-festival matul il-ġimgħa kien organizzat fil-Forti Ricasoli… u ġie jiswa’ ħames miljun ewro filwaqt li allega wkoll li s-serata ta’ premjijiet, weħidha, ġiet tiswa €8.5 miljun.

Gafà saħaq li bl-€14-il miljun li nefqu Owen Bonnici u Johann Grech kienu jibnu skola ġdida jew issir estensjoni fl-Isptar Mater Dei jew saħansitra jinbidlu l-cables tad-dawl – li reġa’ qed jinqata’ bl-addoċċ.
Iżda Johann Grech qed jibqa’ jgħid li dan huwa biss gideb. Minn naħa l-oħra, xorta ma weġibx kemm ġie jiswa’ l-Film Festival u kemm ġiet tiswa’ bi preċiż is-serata tal-Film Awards li tqassmu f’Manoel Island.
//= $special ?>