Lokali

Kaos fl-iskart: il-Labour jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista dwar kif għandu jinġabar l-iskart

Din l-istqarrija ħarġet mix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello

Minbarra t-traffiku, pajjiżna għandu problema oħra kbira li qed tifni tista’ tgħid lil kull lokalità – dik tal-iskart.

Diversi kunsilli lokali qed jitħabtu mhux ftit biex jippruvaw iżommu l-lokalitajiet tagħhom nodfa. Imma l-mod kif qed isir il-ġbir tal-iskart bl-istess sistema u frekwenza f’kull belt jew raħal ma jagħmilx sens.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista lura fl-2017 meta l-popolazzjoni tagħna kienet tgħodd l-475,000. Illum li din żdiedet b’100,000, is-sitwazzjoni hi ferm agħar. 

Meta fl-2017, il-Gvern biddel il-liġi tal-iskart, il-Partit Nazzjonalista talab li din tiġi emendata u kien wissa li l-liġi kif ippreżentaha l-Gvern kienet se tpoġġi piżijiet enormi fuq numru ta’ kunsilli lokali. Il-PN kien argumenta li sistema ta’ ‘one-size-fits-all’ ma tista’ qatt taħdem meta f’pajjiżna għandna realtajiet differenti ħafna minn lokalità għal oħra.

Pereżempju, ir-realtà ta’ rħula żgħar ma tista’ qatt tkun imqabbla ma’ dik ta’ Tas-Sliema jew San Ġiljan. Sistema li taħdem għal raħal ma taħdimx għall-ieħor.

Dan issa kkonfermatu wkoll il-Membru Parlamentari Laburista Katya De Giovanni li qalet li l-problema tal-iskart laħqet livelli inaċċettabbli u li lokalitajiet bħal Ta’ Sliema għandu jkollhom ġbir darbtejn kuljum minflok darba biss.

Bi kliemha, De Giovanni kkonfermat il-kriżi dejjem akbar li teżisti fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna. U qablet ma’ dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar dan il-qasam.

It-toroq tagħna qed ikunu ħafna drabi miżgħuda b’munzelli sħaħ ta’ boroż ta’ kull tip ta’ skart f’kull ħin tal-ġurnata. In-nuqqas ta’ dixxiplina u ta’ infurzar qed ifissru li l-Maltin qed jispiċċaw bit-toroq tal-irħula tagħhom qishom miżbla u xi kunsilli qed jirċievu wkoll rapporti ta’ firien kbar iħufu fit-toroq residenzjali.

Il-Gvern Laburista, li qatt ma emmen fil-kunsilli, baqa’ sakemm neżża’ tista’ tgħid kull saħħa li dawn kellhom – kemm fejn jidħlu finanzi, kif ukoll fejn jidħol infurzar.

Issa jrid ikun il-Gvern stess li jsolvi l-problemi li kabbar hu.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li tiġi riveduta b’mod immedjat is-sistema tal-ġbir tal-iskart biex din tkun made-to-measure skont il-bżonnijiet tal-lokalità. Il-ġranet u l-ħinijiet tal-iskart ma jistgħux jibqgħu l-istess għal kullimkien, u fejn hu possibbli għandu jkun ikkunsidrat ukoll li l-ġbir tal-iskart għandu jsir tard filgħaxija jew billejl. Dawn huma ftit mit-tibdiliet li jistgħu jgħinu biex itaffu l-problema li ħoloq il-Gvern bin-nuqqas ta’ ppjanar tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista mhux jifhem x’qed jistenna l-Gvern biex jaqbad il-barri minn qrunu u jsib soluzzjoni li taħdem għall-iskart f’pajjiżna. Il-PN jifhem u jagħraf ir-rwol importanti tiegħu li jkun proattiv, u joffri soluzzjonijiet kreattivi f’dan is-settur.