Internazzjonali

L-Iran: Aktar sinjali li ‘għad għandu’ l-materjal għall-produzzjoni tal-missili nukleari

Żdiedu l-indikazzjonijiet li l-Iran, jekk irid, fadallu xorta l-kapaċità biex jipproduċi l-missili bil-warheads nukleari…Dan skont informazzjoni żvelata sigħat ilu u li xeħtet dubju sostanzjali dwar l-istqarrijiet tal-Istati Uniti li rnexxielha teqred għal kollox il-faċilitajiet nukleari tar-reġim f’Tehran.

Fil-fatt, Iżrael – l-għadu qalil tal-Iran u li jiem ilu kien wettaq b’suċċess offensiva militari fuq il-miri prinċipali tar-reġim Iżlamiku – jemmen li l-Iranjani kapaċi, ‘il quddiem, jirkupraw is-sorsi tal-uranju raffinat…Sorsi li spiċċaw mirdumin taħt waħda mill-faċilitajiet nukleari li, ix-xahar li għadda, sfaw mira tas-stealth bombers tal-Amerikani

Intant, uffiċjal ewlieni Iżraeljan li xtaq li jibqa’ anonimu qal li diffiċli ħafna biex l-Amerikani jew l-Iżraeljani jilħqu dawk l-ammonti tal-uranjum fil-fond tal-art fil-faċilità ta’ Isfahan….Dan meta l-uniku mod li wieħed kapaċi jelimina dawn is-sorsi tal-uranjum hu permezz ta’ xi attakk militari ieħor.

Il-President Amerikan Donald Trump, fl-aħħar jiem, irrepeta diversi drabi li l-attakki mill-ajruplani tal-gwerra tiegħu kienu ‘qerdu kompletament’ il-faċilitaajiet nukleari tal-Iranjani fis-siti ta’ Isfahan, Natanz u Fordo.

Madankollu, xi aġenziji sigrieti fl-Istati Uniti kienu ħafna aktar kawti minn Trump fl-evalwazzjonijiet tagħhom –bl-Iran għadu qed jinsisti li mgħandux il-ħsieb li juża l-uranum irraffinat għall-produzzjoni tal-armi atomiċi.

Il-faċilità ta’ Isfahan, fit-22 ta’ Ġunju, intlaqtet mill-missili cruise sparati minn sottomarin tal-Amerikani waqt l-azzjoni mlaqqma  “Operation Midnight Hammer” .

Fl-istess ħin, l-Iżraeljani xorta waħda qed jikkalkulaw li l-azzjonijiet tax-xahar li għadda ‘tefgħu lura l-proġetti nukleari talIiranjani b’talanqas sentejn’.

Hu minnu wkoll, intant, li l-White House – permezz tal-kelliema f’Washington – baqa’ jinsisti dwar ‘il-qerda totali tal-faċilitajiet nukleari tal-Iran’ u fost l-istqarrijiet ripetuti li ‘id-dinja kollha tinsab aktar sikura grazzi għat-tmexxija deċiżiva tal-President Trump’.

Dan ukoll minkejja li l-aħħar leaks ta’ rapport preliminarju mis-servizzi sigrieti tad-Dipartiment tad-Difiża Amerikan ikkonkludew li filwaqt li l-faċiltajiet ta’ Fordo, Natanz u Isfahan ġarrbu l-ħsarat kbar, ħadd ma jista’ jgħid li l-attakki rriżultaw fil-qerda totali tas-siti.

Anki l-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA), Rafael Grossi, informa lill-Istazzjon CBS li l-faċilitajiet inkwistjoni ‘għadhom weqfin’ minkejja li ġarrbu l-impatt qawwi tal-attakki mis-stealth bombers tal-Amerikani….

‘Frankament…ħadd ma jista’ jgħid, b’mod konklussiv, li l-faċilitajiet   tal-Iranjani sparixxew b’riżultat tal-azzjoni jew li kwalukkwe proġett nukleari tal-Iranjani minn issa ‘il quddiem ikollu jibda minn zero’, kienet l-aħħar stqarrija ta’ Grossi.