Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni ta’ CareerScape li saret f’Mejju 2024, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet nieda l-edizzjoni tal-2025 bl-ewwel attività minn sensiela ta’ avvenimenti, li saret ilberaħ, l-10 ta’ Lulju, fis-Sala tal-Konferenzi tal-Kampus tal-MCAST, f’Raħal Ġdid.
Professjonisti mill-industrija, edukatturi u letturi, u rappreżentanti mis-settur pubbliku minn tliet setturi ewlenin – l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-kura soċjali – iltaqgħu biex jiddiskutu t-tema ta’ “Skills Disconnect”, jiġifieri d-distakk bejn il-ħiliet miksuba permezz tat-taħriġ u t-tagħlim, u dawk il-ħiliet li wieħed jipprattika fuq il-post tax-xogħol.
Numru ta’ studenti ġew ukoll mistiedna sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan is-suġġett, partikolarment peress li se jkunu huma stess il-protagonisti tal-futur. Fil-qalba tal-avveniment kien hemm sejħa għall-azzjoni: biex inħarsu lejn il-futur u nipproponu mezzi kif nindirizzaw dan is-“Skills Disconnect”, bil-għan li ntejbu r-reżiljenza tal-ħaddiema tagħna fil-futur.
L-avveniment fetaħ b’diskussjoni ma’ mistiedna distinti minn dawn it-tliet setturi – l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-kura soċjali – li ppreżentaw il-viżjoni futura tagħhom għas-setturi rispettivi u l-iżvilupp tal-ħiliet. Il-parti ċentrali tal-avveniment kienet id-djalogu fi gruppi madwar mejda, immexxiija minn kollaboraturi ewlenin, rappreżentanti tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ġid Soċjali, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Dan id-djalogu ffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ “Skills Disconnect”, il-prassi pożittivi li għandhom jinżammu, l-ostakli prezenti li jxekklu il-proċess ta’ bidla neċessarja, u rakkomandazzjonijiet bi preparazzjoni għall-futur.
Dr Jeffrey Pullicino Orlando, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, tenna l-importanza tad-djalogu kontinwu u l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni u l-industrija. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji prattiċi biex inħejju aħjar lill-ħaddiema preżenti u futuri għal ekonomija li qed tevolvi b’pass mgħaġġel, u biex niżguraw li Malta tibqa’ lesta għall-isfidi tal-futur.
//= $special ?>