Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Mohammed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala Lilu King, minkejja li jinsab mixli b’akkużi serji u li kiser diversi kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest fil-passat. Elmushraty, Libjan ta’ 32 sena u magħruf sew fl-isfera pubblika lokali, reġa’ ngħata l-libertà proviżorja wara li l-Qorti laqgħet rikors imressaq mid-difiża.
Huwa jinsab akkużat li f’Ottubru li għadda, fi ġlieda f’Tas-Sliema, kiser id-driegħ ta’ raġel, heddu u kiser il-paċi pubblika. Barra minn hekk, huwa wkoll mixli li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu f’każijiet preċedenti li jmorru lura sa Ottubru tal-2019.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, tat il-ħelsien mill-arrest wara li qieset diversi fatturi, fosthom l-istadju li fih waslu l-proċeduri, iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kondotta preċedenti tal-imputat. Madankollu, il-ħelsien ġie mogħti taħt kundizzjonijiet ferm iktar stretti minn dawk ta’ qabel.
Sabiex jibqa’ jingħata l-ħelsien mill-arrest, Elmushraty ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €40,000, joffri garanzija personali ta’ €200,000, li ma jsifirx jew jinħeba, ma jersaqx lejn portijiet jew lejn l-ajruport, ma jkellimx lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, li jirrapporta darbtejn kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan – darba filgħodu u oħra filgħaxija u li jirrispetta curfew strett bejn id-9pm u s-7am.
Il-Qorti wissietu b’mod ċar li jekk jikser kwalunkwe minn dawn il-kundizzjonijiet, mhux biss jitilef il-ħelsien mill-arrest, iżda wkoll li jinħareġ mandat ta’ arrest immedjatament kontrih, li jitlef is-somma totali ta’ €280,000.
Il-Libjan qed jiġi difiż mill-Avukati Franco Debono, Josè Herrera u Marion Camilleri.
//= $special ?>