Opinjoni

OPINJONI: Aktar tiġdid

Ir-riżenja ta’ Bernard Grech minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-elezzjoni għal Kap ġdid fetħet mument importanti ta’ riflessjoni għall-partit u opportunità unika f’dan iż-żmien

Andrew Agius
Kandidat
Partit Nazzjonalista

X’direzzjoni għandu jieħu l-Partit? Tmexxija ġdida kif se tħares lejn il-futur? U fuq kollox, kif jista’ l-Partit jirkupra l-fiduċja tan-nies biex jerġa’ jkun gvern alternattiv ta’ pajjiżna?
Din hi opportunità tad-deheb biex il-Partit jieqaf, jirrifletti, u jifhem b’mod onest x’qed iżommu lura. L-għażla tal-Kap il-ġdid: Iktar minn sempliċi vot, il-kandidatura għat-tmexxija mhix kompetizzjoni.
L-għażla tal-Kap il-ġdid trid tkun bażata fuq il-viżjoni u t-twemmin li dan il-Kap jista’ jmexxi lill-Partit lejn l-għan aħħari tiegħu – li jkun gvern alternattiv b’saħħtu u kredibbli.
Ejja naraw tellieqa pożittiva, b’dibattiti konkreti dwar il-viżjoni tal-kandidati għall-Partit. Ejja naraw elezzjoni ta’ Kap li tkun eżempju ta’ proċess demokratiku, liberu u miftuħ.
Din tkun mera ta’ dak li l-elettorat jista’ jistenna fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, u tiswa daqs l-aqwa kampanja elettorali. Il-bidla trid tibda minn ġewwa – insaħħu l-istrutturi tal-Partit u l-finanzi.
Dan jagħti prova ċara tal-kapaċità tal-Partit li jkun gvern alternattiv.
Għalhekk, dan l-artiklu hu appell ċar lill-kandidati potenzjali: isimgħu. Isimgħu lin-nies. Lin-Nazzjonalisti u mhux, iżda li għandhom għal qalbhom lil pajjiżna u l-ġid komuni. Nies li jridu jaraw alternattiva għal dan il-Gvern,li qed imexxi kif jaqbel lilu biss.
Il-Kap il-ġdid ma jistax jaħdem waħdu. Irid ikun hemm struttura b’saħħitha warajh… mhux biss organizzattiva, iżda wkoll ideoloġika u emozzjonali.

Strument mill-aktar importanti
Partit maqgħud, b’organi li jaħdmu b’sintonija, hu strument indispensabbli biex jinbena futur politiku b’saħħtu. Għalhekk għandna naraw sajf attiv, b’iktar laqgħat, diskussjonijiet, gruppi ta’ ħidma u kontribut mill-kumitati, id-deputati u l-kandidati kollha.
Il-ħidma trid tkun inklussiva u miftuħa. Kull tesserat għandu jħossu parti minn dan il-moviment. Hemm min qed isostni li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ bidla fundamentali fil-prinċipji tiegħu. Iżda din il-wegħda ta’ tibdil ma tfissirx abbandun tal-valuri.
L-identità tal-Partit hi ċara: difiża tad-drittijiet tal-bniedem, servizz lejn il-ġid komuni, u politika li tqiegħed il-bżonnijiet tan-nies fil-qalba tagħha.
Il-President tal-Kunsill Ġenerali diġà saħħaħ din l-identità b’diskors li jfakkarna min aħna u għaliex teżisti din l-għaqda politika. M’hemmx għalfejn jinbidel dak li hu sod u ta’ valur iżda rridu naġġornaw kif inwasslu dan il-messaġġ, kif nagħmlu l-politika, u kif nuru l-kredibbiltà tagħna.
Ix-xogħol fuq programm elettorali għandu jkompli mingħajr waqfien. Il-kuntatt mal-poplu jrid jibqa’ b’saħħtu mhux biss f’perjodi elettorali, imma bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-Partit.
Il-politika tal-Partit trid tkun relevanti, sensittiva u konkreta. Għalhekk, minn qalbi nawgura lil kull kandidat li jħossu kapaċi jmexxi din il-missjoni.
Nittama li jkun jista’ jsib Partit organizzat, maqgħud u lest biex jerġa’ jkun l-għażla naturali għall-gvern ta’ pajjiżna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 6 ta’ Lulju, 2025.