Opinjoni

OPINJONI: Għaliex il-pensjonijiet għandhom jinġabru f’fond apposta

● Id-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali● A. Il-ħruġ għall-benefiċċji kontributorji● B. Il-ħruġ għall-benefiċċji mhux kontributorji● C. Il-ħruġ għall-benefiċċji kollha
Sas-snin  sebgħin tas-seklu l-ieħor kien hemm fond għall-pensjonijiet. Il-Gvern  ta’ Mintoff taħt l-iskuża li ried idaħħal il-pensjoni, jew sistema taż-żewġ terzi a skapitu tal-pensjoni tas-servizz u tal-pensjoni tal-irtirar, neħħa dan il-fond. Iż-żewġ terzi kienet biss chimera għaliex fuq il-pensjoni hemm massimu. L-introduzzjoni ta’ din is-sistema ġabet magħha wkoll li l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali flok f’fond spiċċaw mad-dħul rikorrenti tal-Gvern. Flok il-pensjonijiet bdew jitħallsu minn dawn il-kontribuzzjonijiet il-benefiċċji soċjali kollha. Dawk kontributorji u dawk li mhumiex. Ir-riżultat hu li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern daħħal ħafna iktar mill-ħareġ f’kontribuzzjoni. Hawnhekk qed ngħodd mhux biss dawk kontributorji iżda anke dawk mhux kontributorja għaliex kieku d-differenza kienet tkun ta’ mijiet ta’ miljuni (ara grafika).

minn Joe M. Zahra

Mela għandna pensjoni taż-żewġ terzi iżda fl-istess nifs hemm capping.  Capping li jitla’ skont kemm jiddeċiedi l-Gvern u ta’ dan irridu ngħidulu grazzi! Għaliex bis-sistema kif inhi llum kollox joħroġ min-nefqa rikorrenti. Lista twila li tiġbor il-pensjonijiet kollha kontributorji iżda anke dawk li mhumiex bħaċ-children’s allowance, pensjoni tal-anzjanità mhux kontributorja, pensjoni/allowance tad-diżabbilità, assistenza soċjali, assistenda medika, assistenza supplimentari, bonus. Lista ta’ għajnuniet mhux kontributorji li  l-2021 leħqu €201 miljun; fl-2022 €242 miljun: fl-2023 €€270 miljun u fl-2024 €322 miljun. Ara kieku kien hemm fond li jħallas biss il-benefiċċji kontributorji ara kemm kien jibqgħu miljuni f’dan il-fond li kien ikun f’pożizzjoni li jagħti iktar żidiet mingħajr ma joqgħod jippretendi li qed jingħataw bħallikieku xi rigal min-naħa tiegħu. Forsi għalhekk tneħħa l-fond! Forsi għalhekk illum hemm il-‘capping’ li hemm fuq il-pensjonijiet!

Kieku kien hemm fond

Ħalli ngħidilkom daqsxejn x’kien jibqa fil-fond!

Mela li kieku hemm fond u jħallas biss dawk intitolati għal benefiċċji kontributorji kieku f’erba’ snin il-fond kienu jibqagħlu fih €1,417-il miljun. Min-naħa l-oħra kieku l-fond iħallas il-kontribuzzjonijiet kollha, sew dawk kontributorji u dawk mhumiex, kien jibqagħlu €378 miljun. U hekk il-fond kien  jibqa’ dejjem minn fuq!

Il-benefiċċji soċjali mhux kontributorji messhom jitħallsu mill-flus li jinġabru mit-taxxi. Mill-income tax u l-VAT. F’dawn jidħlu eluf ta’ miljuni ta’ ewro!

Fis-seduta 467 tal-Parlament, dik tal-21 ta’ Novembru 2006 li kienet qed tiddiskuti r-riforma tal-pensjonijiet, il-Ministru Louis Galea kien qal li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jmorrux biss għall-pensjonijiet kif kien qal id-Deputat Laburista Karl Chircop. Qal li minn għeruqha l-liġi tas-sigurtà soċjali kienet taħseb għall-pensjonijiet, għall-pensjonijiet tar-romol, għall-benefiċċji tal-invalidità, għall-benefiċċji tal-qgħad, għall-benefiċċji tal-mard, għall-benefiċċji tal-korriment u għall-benefiċċji tad-diżabbiltà. Fakkar ukoll li l-Gvern ta’ Karl Chircop kien qal li dawn il-kontribuzzjonijiet iridu jservu għaċ-children’s allowance u għas-servizz tas-saħħa!

Mela kontribuzzjonijiet li suppost kellhom bħala għan tagħhom benefiċċji kontributorji spiċċaw jitħallsu minnhom kull tip ta’ benefiċċju – kontributorju u mhux.

Biss kliem sabiħ

Tajjeb infakkar li dokument tal-Partit Laburista ta’ Awwissu 2004, meta allura kienu fl-Oppożizzjoni, li kien jitkellem dwar ir-reġenerazzjoni ekonomika u soċjali kien jgħid li “s-sistema preżenti għandha impost limitu ta’ kemm titla’ l-pensjoni. Din il-pensjoni massima li togħla b’żewġ terzi taż-żieda tal-għoli tal-ħajja tlaħħaq taħt l-Lm4,300 (€10,019).

Minħabba din il-pensjoni massima f’qasir żmien ħafna nies se jispiċċaw fuq pensjoni li ma tkunx tkopri żewġ terzi tal-paga li kellhom qabel. Minflok il-ħafna diskorsi fuq il-kriżi finanzjarja li se tolqot il-Gvern, ikun ferm għaqli li niddiskutu l-kriżi finanzjarja li se jidħlu fiha dawk li jirtiraw wara s-sena 2010.”

Kieku kliem sabiħ għall-gallerija. Wara kollox dak hu li għamel Gvern Nazzjonalista bir-riforma tal-2006. Ħaseb biex dawk li jitwieldu wara l-1962 ikollhom pensjoni xierqa u mhux xi 20 fil-mija tal-paga medja. Riforma li kienet imsaħħa minn reviżjoni li kellha ssir kull ħames snin biex din ir-riforma tinżamm aġġornata. B’din ir-reviżjoni l-Gvern Nazzjonalista kien ħaseb biex il-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 ma jitħallewx lura. Il-Gvern Laburista issa ilu hemm tnax-il sena u minn dak il-ħafna paroli li għamel 21 sena ilu ma seħħ xejn!

Jien nemmen li għall-pensjonijiet għandu jkun hemm fond apposta li minnu jitħallsu l-pensjonijiet kollha. Dak li jibqa’ mid-dħul tal-kontribuzzjonijiet, li jmorru f’dan il-fond, jiġu investiti biex minn dak li jħallu l-investimenti jkunu jistgħu jitjiebu l-istess pensjonijiet.

Dan il-fond m’għandux jitmexxa mill-Gvern iżda minn awtorità indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-Gvern, ta’ min iħaddem u ta’ min jaħdem. Awtorità li tkun hi li tiddikjara kemm minbarra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha tingħata żieda supplimentari bl-istess mod kif kumpanija tiddikjara u tqassam id-dividendi tagħha.

Sistema bħal din taqta’ darba għal dejjem il-ftaħir tal-Gvern f’kull baġit  għaliex il-pensjonanti ta’ kull kategorija jkunu qed jieħdu dak li ħaqqhom; il-frott tat-tifdil tagħhom f’dan il-fond tul ħajjithom kollha.

Il-pensjonijiet mhumiex xi karità. Huma l-frott il-ħidma ta’ kull ħaddiem li kull xahar jinqatgħulu bil-paga jew salarju tiegħu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Nazzjonali.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 11 ta’ Lulju, 2025.