Għaddejja pressjoni kbira biex nhar it-Tnejn li ġej il-gvern jiftaħ żewġ sulari tal-Paola Hub anki jekk dan jidher li mhux se jkun ċertifikat kollu mill-konsorzju responsabbli biex issir din iċ-ċertifikazzjoni.
Sorsi informati viċin din is-sitwazzjoni nformaw lil NET News li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu pressjoni kbira biex sa nhar it-Tnejn jiksbu ċ-ċertifikazzjoni medika kollha possibbli meħtieġa biex dan iċ-Ċentru Mediku Reġjonali jkun jista’ jaħdem.
L-indikazzjonijiet huma li dan hu prattikament impossibbli għaliex fadal xogħol li jrid isir biex il-Paola Hub ikunu ċertifikat bħala Ċentru Mediku approvat biex iservi l-iksopijiet tiegħu. Minkejja li l-awtoritajiet tas-saħħa huma konxji ta’ din is-sitwazzjoni, huma jinsabu determinati li nhar it-Tnejn li ġej il-gvern iħabbar li żewġ sulari taċ-Ċentru Mediku se jkunu qed jaħdmu.
Dan in-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni jfisser li anki jekk nhar it-Tnejn il-gvern jgħid li fetaħ żewġ sulari ta’ dan iċ-Ċentru Mediku, is-servizzi mediċi li jistgħu jingħataw se jkunu minimi u ferm ‘l bogħod minn dak li għalih inbeda dan iċ-Ċentru. Fil-fatt, jirriżulta li bħalissa l-awtoritajiet tas-saħħa qed iħejju anki l-aspetti dekorattivi għaċ-ċerimonja ta’ nhar it-Tnejn li fiha l-gvern se jagħti l-impressjoni li dan iċ-Ċentru hu miftuħ.
Il-problema taċ-ċertifikazzjoni kienet wasslet lill-Ministru Joe Etienne Abela biex iddikjara li hu ma kienx lest jiftaħ dan iċ-Ċentru jekk dan ma jkollux iċ-ċerifikazzjoni obbigatorja.
Din mhijiex se tkun l-ewwel darba li se ssir ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru għaliex qabel l-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Ġunju 2024, il-gvern kien saħanistra għamel ċerimonja ta’ ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru bi żjara mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tas-Saħħa Joe Etienne Abela. Minkejja li anki dakinhar l-gvern kien ta l-impressjoni li dan iċ-Ċentru jinsab lest u jista’ jibda jopera, hekk kif iċ-ċerimonja ntemmet, il-bibien reġgħu ngħalqu u l-post baqa’ magħluq.
Il-Paola Hub hu wieħed minn dawk il-proġetti li għalih il-gvern kiseb finanzjament qawwi mill-UE fl-ammont ta’ €40 miljun. Minkejja li l-ispeċifikazzjonijiet marbuta ma’ dawn il-fondi jispeċifikaw termini dwar il-perjodu li fih irid jitlesta l-proġett dan il-miri qatt ma ntlaħqu.
Din kienet waħda mill-ikbar problemi li ffaċċja dan il-proġett li ssupost ilu lest snin iżda għal diversi raġunijiet baqa’ ma tlestiex u għadu mhux finalizzat. Dan minkejja li ħafna mill-apparat li hemm fuq ġewwa ilu installat u jiffunzjona. Sa ftit xhur ilu kien hemm nieqed apparat mediku ieħor li hu indispensabbli biex jopera ċ-Ċentru Mediku.
Iffaċċjat bi kritika mill-PN, il-gvern ta verżjonijiet differenti dwar ir-raġunijiet għaliex il-Paola Hub għadu ma fetaħx. L-ewwel qal li kull ma jonqos hi biss ċertifikazzjoni iżda aktar tard bidel il-verżjoni u qal li għad jonqos ferm iktar xogħol biex dan iċ-Ċentru Mediku jkun jista’ jiftaħ u jkun approvat biċ-ċertifikazzjoni neċessarja.
Il-pjani oriġinali tal-gvern kienu dan iċ-Ċentru Mediku jiftaħ fl-2020 iżda s’issa dan iċ-Ċentru għadu ma nfetaħx.
//= $special ?>