L-investigaturi qed jistabbilixxu d-dinamika ta’ dak li seħħ f’San Ġiljan għall-ħabta tal-4:15 ta’ filgħodu …meta il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Spinola.
Ix-xena li sabu ma wiċċhom kienet tat-tkexkix, hekk kif turist Ingliż ta’ 25 sena kien għadu kif waqa’ minn gallarija, fis-sitt sular ta’ lukanda.
Mal-ewwel issejjaħ tim mediku u ambulanza. Iżda sfortunatament, iż-żagħżugħ kien iċċertifikat mejjet fil-post.
It-triq kellha tingħalaq biex il-Pulizija jiġbru l-evidenza kollha.
Net News jinsab infurmat li l-katavru kellu feriti evidanti f’rasu; illi jindika li ż-żagħżugħ miet mal-impatt. L-istess sorsi qalulna wkoll li l-Ingliż kien għadu kif wasal Malta il-Ħamis.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat Philip Galea Farrugia li ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin…bl-assistenza tad-Distrett ta’ San Ġiljan.
F’dawn is-sigħat kellha ssir ukoll l-awtopsja fuq il-katavru. Dan filwaqt li sar ukoll kuntatt mal-qraba tiegħu.
Intant, skont informazzjoni addizzjonali li waslitilna, jidher li l-Ingliż kien għal btala f’Malta ma xi ħbieb. U kien parti minn grupp ta’ 7 persuni.
//= $special ?>