Sport Sport Ieħor

Iċ-champion dinji tal-boxing, Gervonta Davis arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika

Gervonta Davis
Gervonta Davis

Iċ-champion tad-dinja tal-WBA lightweight tal-boxing, Gervonta Davis, il-bieraħ il-Ġimgħa, kien arrestat fuq akkużi marbuta ma’ vjolenza domestika.

L-arrest kien relatat ma’ inċident qrib Miami, Florida, fil-15 ta’ Ġunju, f’jum il-Missier.

Allegatament, Davis ħebb għall-eks tfajla tiegħu, barra mid-dar tagħha. Il-vittma tiġi omm ta’ tnejn minn uliedu.

Iċ-champion dinji tal-boxing, li għandu 30 sena, ittieħed taħt arrest f’Miami iżda ftit wara, inħeles mill-arrest fuq garanzija personali ta’ £7,400 u b’seduta fil-Qorti li ġiet skedata għad-29 ta’ Lulju li ġej.

Qabel dan l-inċident, Davis kien diġa’ arrestat darbtejn oħra fuq akkużi ta’ vjolenza domestika, fi Frar tal-2020 u Diċembru tal-2022.

Davis skonta wkoll 44 jum ħabs fl-2023 wara li kien kiser it-termini ta’ sentenza ta’ 90 jum ta’ house-arrest, b’rabta ma’ każ ieħor kriminali u differenti, din id-darba ta’ hit-and-run li kien seħħ f’Baltimore, f’Novembru tal-2020.

Preżentament, l-eks champion tas-super Featherweight tal-IBF għadu mhux megħlub wara 31 ġlieda professjonali. Madankollu l-aktar ġlieda riċenti ta’ Davis intemmet fi draw kontroversjali ma’ Lamont Roach Jr f’Marzu li għadda. Dawn it-tnejn se jkunu qed jerġgħu jaffrontaw lil xulxin għal ġlieda oħra li hi skedata x-xahar id-dieħel.