Internazzjonali

L-Amerikan akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu u binthom jinsab miżmum f’ħabs f’Ruma

L-Amerikan Francis Kaufmann, magħruf aħjar bl-isemm falz tiegħu ta’ Rexal Ford, jinsab miżmum fil-ħabs ta’ Rebibbia fil-Belt Kapitali Taljana Ruma.

Ir-raġel minn Kalifornja, li għamel tal-inqas 3 snin u nofs jgħix Wied il-Għajn mill-2021 sa din is-sena stess – huwa s-suspettat numru wieħed fil-qtil tas-sieħba tiegħu…u ta’ bintu ta’ ftit inqas minn sena.

Huwa kien arrestat fil-Greċja  ftit tal-jiem wara li l-omm u t-tarbija instabu għarwenin bla ħajja, mitfugħa qalb il-ħaxix fi ġnien pubbliku f’Ruma stess. Biex issa nġieb lura l-Italja fejn se jkun qed isirlu interrogatorju nhar it-Tlieta.

Kaufmann, ta’ 46 sena, jinsab akkużat bl-omiċidju volontarju taż-żagħżugħa Russa ta’ 29 sena Anastasia Trofimova u bintu Andromeda li kienet se tagħlaq sena ġimgħa wara li nqatlet permezz ta’ daqqiet u sussegwentament spiċċat fgata..allegatament minn taħt idejn missierha stess.

Grazzi għal ħidma konġunta mal-midja Taljana, Net News kien kiseb informazzjoni illi tindika li dan ir-raġel kien ilu jgħix f’pajjiżna mill-2021 u kien proprju f’Malta li ltaqgħa ma’ Trofimova fejn għamel żmien jgħix f’appartament magħha f’Wied il-Għajn fejn sussegwentament kellhom lil binthom.

Huwa mifhum li l-mara spiċċat tqila b’wildt Kaufmann ftit tal-ġimgħat biss wara li ltaqgħu flimkien.

L-omm u ċ-ċkejkna instabu bla ħajja fis-7 ta’ Ġunju fil-park magħruf bħala Villa Pamphili.

Kelliema għall-Awtoritajiet Taljani spjegaw li l-Amerikan qiegħed jiġi miżmum fis-sala psikjatrika al-ħabs hekk kif fil-Greċja kellu episodji psikotiċi  – filwaqt li waqt it-titjira li ħaditu mill-Greċja għall-Italja, ħebb verbalment għal dawk l-uffiċjali li kienu skorta miegħu u saħansitra allega li ġie msawwat.

Intant, sa issa, għadu mhux ċar jekk Kaufmann ibbenefikax minn xi fondi li ingħataw mill-Kummissjoni Maltija tal-Films. Dan hekk kif jidher li kien irnexxielu jqarraq bl-awtoritajiet Taljani meta għamilha daqs li kieku kien producer tal-films ta’ Hollywood.