Istħi jekk taf. Żarma minn hemm minn rajk peress li ħadd ma jista’ jniżżel iżjed il-ħniżrijiet tiegħek. Hekk temm l-aħħar blog li kiteb fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici Neville Gafà, eks uffiċjal fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt amministrazzjoni Laburista, u membru tal-faxxa ta’ Joseph Muscat.
Qasma ċara li hemm fi ħdan il-Partit immexxi minn Robert Abela – partit fil-Gvern li l-konsenturi qed jidhru sew bejn naħa u oħra. B’Neville Gafà jallega li f’tali avvenimenti l-Ministru qed jippermetti li jsiru d-dnubiet minn flus il-poplu; fejn saħansitra jallega li kien hemm min ikkonsma d-droga kokaina waqt il-Film Festival.
Net News staqsa lill-ħabib ta’ Owen Bonnici, u Membru fil-Kabinett ta’ Abela – il-Ministru tal-Intern u x-Xogħol Byron Camilleri – fejn staqsejnih hux jinkwetah il-fatt li minn ħdan il-Partit Laburista stess qed jgħidu lill-Ministru Bonnici biex jirriżenja, biex iżarma għax ħadd ma jista’ jniżżel il-ħniżrijiet tiegħu…b’Camilleri jisħaq li Bonnici se jkompli jwieġeb.
Net News staqsa kjarifika dwar kemm fil-verità intefqu flus f’dan il-Festival tal-Films li sena wara oħra qed iqajjem kommossjoni sħiħa għal raġunijiet xejn sbieħ. Din id-darba, pero, il-kritika mhux ġejja mill-kamp oppost iżda minn tal-qalba, minn ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
L-ewwel ma kkritika bl-aħrax il-Mediterrane Film Festival kien l-uffiċjal Laburista, Jason Micallef – fejn saħaq li b’dawn il-miljuni ta’ ewro kollha li ntefqu kieku setgħu għamlu aktar affarijiet bihom – filwaqt li Neville Gafà preċiża jgħid li mhux minnu li ntefqu biss €5 miljuni iżda b’kollox intefqu €14-il miljun; li €8 minnhom marru għas-serata tal-premjijiet biss.
Net News staqsa jekk Gafà hux qiegħed jigdeb – bil-Ministru Camilleri ma jiċħadx, ma jweġibx u ma jgħidx li dak li qed jgħid is-self made blogger hux minnu jew le.
Mistoqsi jekk jinkwetawhx ċertu allegazzjonijiet u diskors li għamel Gafà … bħal teftif fil-bajda…u serati speċjali, u dik li sejħilha orġja….Byron Camilleri ħarab milli jwieġeb.
Intant, kelliema għal Kummissarju tal-Films, Johann Grech, saħqu li l-allegazzjonijiet ta’ Gafà huma foloz u malafamanti…madanakollu mistoqsija jekk hux se jittieħdu passi legali la darba dawn huma dikjarazzjonijiet difamatorji….ma rċevejna ebda risposta. Għaldaqstant, wieħed jistaqsi – min qed jigdeb? Neville Gafà li mhux l-ewwel darba li attakka lill-Ministru Owen Bonnici….jew l-istess Ministru li fl-ebda mument ma qal li Gafà qiegħed jigdeb anke meta staqsejnihielu direttament?
//= $special ?>