Lokali

Problemi għaċ-ċertifikazzjoni tal-hub f’Raħal Ġdid

Problemi fis-sistema tal-ventilazzjoni, sistema tal-arja kondizzjonata ġdida li kienet u bibien b’qisien ħżiena li kellhom jinqalgħu u jerġgħu jitwaħħlu – lista twila ta’ kwistjonijiet marbuta mal-Paola Hub.

Fil-fatt, dawn huma biss ftit mill-problemi li hemm fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid – proġett li kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar 8 snin ilu.

Dan kollu ġie żvelat minn The Shift News, li ppubblika artiklu dwar kif il-ħafna problemi li nstabu f’dan il-hub fl-aħħar xhur, huma kollha riżultat tal-inkompetenza, il-ħela u laxkar minn naħa tal-Gvern.

Net News huwa nfurmat li l-infiq li sar fl-aħħar xhur f’dan il-hub kien wieħed eżorbitanti hekk kif il-Ministru qed jitfa’ pressjoni enormi biex dan il-hub jiftaħ illum qabel għada biex ma jkomplix jaqa’ għaċ-ċajt.

Minn informazzjoni li għandha din il-kamra tal-aħbarjiet, il-Ministru prova jiftaħ dan il-hub lejliet l-Imnarja. Dan minkejja li esperti barranin qed iwissu kontinwament lill-Ministru KONTRA l-ftuħ ….qabel dan ikun lest kompletament.

Fl-aħħar xhur in-numru ta’ ħaddiema fuq dan is-sit sploda minn ftit għexieren għal mijiet. Dan sabiex ix-xogħol żgur jitlesta malajr u ma terġax tgħaddi elezzjoni oħra.

Intant, peress li x-xogħol xorta għadu lura, jidher li l-Ministru tas-Saħħa beħsiebu jibda jiftaħ il-hub biċċa biċċa biex jevita li jerġa jinqabeż deadline ieħor għall-ftuħ ta’ dan il-hub.

Sena ilu Jo Etienne Abela u Robert Abela kienu żaru dan iċ-ċentru u taw l-impressjoni lil kulħadd li dan il-hub kien se jiftaħ l-għada.

13-il xahar… u ħafna miljuni li ntefqu …. u sallum dan il-hub għadu magħluq.