Lokali

Fetħu ferita ġdida għall-familja ta’ Jean Paul Sofia

L-impjieg ta’ Kurt Buhagiar, wieħed mill-persuni akkużati bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia, reġa’ fetaħ ferita ġdida għall-familja ta’ dan iż-żagħżugħ.

L-editorjal tat-Times spjega illi din il-ġrajja qed turi biċ-ċar li l-Prim Ministru qed jiddefendi din il-mossa, u għadu mhuiex konxju tal-ħsara li qed iwettaq bl-azzjonijiet tiegħu. Liema azzjonijiet iqanqlu tħassib dwar kif, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet jiddetta dak li jagħmel jew jgħid il-Prim Ministru; bl-editorjal jistaqsi għaliex Buhagiar – li jmexxi proġett dwar il-biedja – jeħtieġ xogħol fl-Awtorità tal-Artijiet u għaliex Buhagiar huwa daqshekk importanti għall-istat.

Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li madwar dan iż-żmien sentejn ilu, Abela kien jinsab trankwill fuq il-jott tiegħu fi triqtu lejn Sqallija, mingħajr ma ħaseb dwar l-impatt li kienu se jħallu l-azzjonijiet u l-insensittività tiegħu fuq dan il-każ serju.

Kulħadd jiftakar eżattament kif intemmet dik il-ġimgħa – fi stat ta’ kriżi. Tant li hu spiċċa dahru mal-ħajt wara l-pressjoni tal-PN. U ħabbar l-inkjesta pubblika, ftit sigħat qabel ma’ eluf ta’ nies niżlu quddiem Kastilja għal protesta.

L-istess editorjal jgħid li l-manuvra ta’ Owen Bonnici għal Ministru tal-Artijiet ftit ġimgħat ilu kienet sorpriża.

Dak li oriġinarjament kellu jkun reshuffle biex jakkomoda x-xewqa ta’ Byron Camilleri li jiċċaqlaq mill-Ministeru għall-Intern eventwalment wassal biex Stefan Zrinzo Azzopardi jitneħħa mill-Ministeru tal-Artijiet.

Huwa ċar li din ir-reshuffle hija r-riżultat tan-nuqqas ta’ qbil tiegħu mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet li terġa’ timpjega lil Kurt Buhagiar,

Fi żmien li seħħet it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, Zrinzo Azzopardi kien il-Ministru tal-ippjanar u l-kostruzzjoni.

Ftit xhur wara li sar Ministru tal-ippjanar, Robert Abela impona lil wieħed mill-assistenti qrib tiegħu, Oliver Magro, bħala CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar. Bl-istess mod, skont it-Times, il-Kap Eżekuttiv tal-Artijiet Robert Vella qed igawdi minħabba li huwa fost il-favoriti tal-Prim Ministru.