Festi Knisja Kultura Lokali

Il-Festa Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq riesqa lejn ċelebrazzjonijiet kbar

Il-Festa Madonna tal-Karmnu, Żurrieq riesqa lejn ċelebrazzjonijiet kbar bejn l-20 u s-27 ta’ Lulju 2025. Bħal kull sena, l-appell minn naħa tal-Karmelitani hu; “Ejjew ingħaqdu għall-akbar festa fiż-Żurrieq!” Il-Ħadd 27 ta’ Lulju l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria A.D. 1865 taż- Żurrieq tibda l-marċ tradizzjonali ta’ Jum il-Festa minn quddiem il-każin, u ddur fit-toroq tal-lokalità.

Il-marċ jispiċċa għall-ħabta tas-2.30pm. u wara jkompli spettaklu mużikali f’Misraħ ir-Repubblika minn DJ Sue! Madankollu ġimgħa qabel il-festa, fl-20 ta’ Lulju l-banda se tkun qed tiftaħ iċ-ċelebtazzjonijiet minn quddiem il-każin fl-10.00am. u man-nota ta’ nofs inhar, wieħed jista’ jassisti għall-mument tant mistenni mill-Karmelitani Żrieraq, il-ħruġ uniku tal-Madonna tal-Karmnu min-niċċa.

Filwaqt li l-Festa tal-Madonna tal-Karmnu se tiġi ċċelebrata bejn il-20 u s-27 ta’ Lulju. Fl-istess ħin, qed jiġu mfakkra żewġ anniversarji important li huma l-160 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda Queen Victoria A.D. 1865 – l-ewwel banda fiż-Żurrieq u l-125 anniversarju minn meta il-Banda ngħaqdet mal-Għaqda Karmelitana f’entità waħda.

Matul din is-sena speċjali, saru diversi attivitajiet sabiex infakkru dan l-anniversarju fosthom, il-Banda animat quddiesa ġewwa l-Bażilika tal-Karmnu tal-Belt, organizzat Kunċert Kommemorattiv fit-Teatru Manoel taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u nediet ukoll Marċi Brijużi ta’ Surmastrijiet magħrufa.

Il-qofol jasal f’Lulju bil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu – waħda mill-aktar festi popolari fost il-Maltin u l-Għawdxin. Marċi, spettakli tan-nar tal-art u tal-ajru, programm mużikali vokali u strumentali mill-Banda Queen Victoria, u armar rikk li jżejjen it-toroq jagħmlu din il-ġimgħa waħda tassew memorabbli.

Ta’ min ifakkar li fil-5 ta’ Lulju ġie inawgurat ir-restawr tal-inkwadru tal-Madonna tal-Karmnu li jinsab fil-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq. L-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria tistieden lil kulħadd sabiex jingħaqad magħha f’din il-festa speċjali!

Ħarsa lura fil-qosor

Ħarsa lura lejn l-istorja; Kien lejn nofs is-seklu dsatax li numru ta’ partitarji, imħeġġin mid-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Madonna tal-Karmnu, ħafna minnhom diriġenti fil-fratellanza mwaqqfa f’ġiehha ġewwa l-Knisja taż-Żurrieq fil-bidu ta’ dak is-seklu, krew terran f’numru 99, Strada Reale, viċin l-inħawi tan-Nigret u hemm waqqfu każin soċjali bl-isem CIRCOLO LA STELLA.

L-iskop ewlieni tagħhom kien li jkabbru l-festi esterni li kienu diga` ilhom isiru f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu, hawn ġewwa ż-Żurrieq. F’manuskritt tal-Konti Saverio Marchesi li jġib id-data ta’ l-1805, tissemma orkestra tal-knisja ġewwa ż-Żurrieq li kienet tieħu sehem fil-funzjonijiet sagri u fil-purċissjonijiet tal-parroċċa.

Fil-ġurnal L’ORDINE tal-21 t’April 1865, Achille Ferres jirreferi għal għaqda tal-mużika fiż-Żurrieq li kienet tħaddan 24 żagħżugħ, uħud minnhom kjeriċi mħarrġin tajjeb mis-Surmast Luigi Carabott. Huwa jagħti xi eżempji biex isaħħaħ dan il-fatt, fosthom li din l-orkestra daqqet xi responsorji fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ dik is-sena.

Fis-sena 1875, Francesco Żammit għadda l-bakketta lil Carmelo Żammit (Fardess) – mużiċista kbir, surmast ta’ l-affari tiegħu u skultur. Li kien skultur tajjeb jixhduh l-istatwi li naraw armati fil-festa fuq iz-zuntier tal-knisja. Xogħol mill-isbaħ li hu ħadem ma’ ibnu Toninu, l-artist li għamel il-pittura tal-kwadru li naraw illum fuq l-artal tal-Karmnu ġewwa l-Knisja.

F’Mejju 1937 il-Banda Queen Victoria ħadet sehem ma’ baned oħra ġewwa l-Belt Valletta fil-festi kbar li saru f’Malta fl-okkażjoni ta’ l-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ VI. F’Diċembru ta’ dik is-sena kien żar il-każin il-Gvernatur Sir Charles Bonham Carter.

Adolf Hitler kien beda jinvadi l-Ewropa. Beda bl-Awstrija u ċ-Ċekoslovakkja. Imbagħad fl-1 ta’ Settembru 1939, l-armata Ġermaniża daħlet il-Polonja u kienet iddikjarata t-Tieni Gwerra Dinjija. Is-sitwazzjoni kompliet marret għall-agħar nhar l-1 ta’ Ġunju 1940 meta l-Italja nvolviet ruħha hi wkoll fil-gwerra.

Bdew l-attakki mill-ajru li ġiegħlu lil numru ta’ refuġjati min-naħat tal-Kottonera jmorru jsibu kenn fl-irħula, fosthom iż-Żurrieq. Is-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria offrew is-sular ta’ fuq tal-każin lil żewġ familji parantela ta’ xulxin, il-familji Tabone u Azzopardi. 

F’Mejju 1957 Mons. Arċisqof  Mikiel Gonzi kien għamel żjara fil-każin. Il-Banda Queen Victoria dak in-nhar laqgħetu fis-swali tagħha bid-daqq ta’ l-Innu Pontifiċju. Dak in-nhar l-Isqof Gonzi ħallielna l-karlotta tiegħu biex tibqa’ tifkira dejjiema ta’ din iż-żjara.

Sadanittant il-ġlieda dwar ir-restrizzjonijiet ħorox li kien ġab il-Konċilju Reġjonali fl-1935 kienet għadha għaddejja. Il-kumitat kien qed jaħdem id f’id mal-fratellanza sabiex l-affarijiet jimmeljoraw. Inħass il-bżonn li jitwaqqaf Kumitat Ċentrali sabiex jiġġieled għall-kawża komuni  tal-festi sekondarji. Il-battalja kienet waħda iebsa tant li ġie deċiż li jibdew trattivi mas-Santa Sede.

Fis-sena 1962 is-Soċjeta` u l-Banda kienu għaddew taħt il-Presidenza ta’ Vincent Micallef, kariga li qeda fedelment għal 23 sena sħaħ. Taħt din il-Presidenza s-Soċjeta` u l-Banda kellhom ħajja dinamika ħafna, bis-sabiħ u l-ikrah li taf tagħti l-ħajja.

F’jum l-Indipendenza il-Banda Queen Victoria daqqet fi Strada Rjali

Nhar il-21 ta’ Settembru 1964, Malta saret indipendenti. Dak in-nhar il-baned ta’ Malta daqqew fil-lokal tagħhom iżda l-Banda Queen Victoria messitha x-xorti li tagħmel marċ fi Strada Rjali, illum Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, flimkien mal-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun. Dak in-nhar ukoll esegwiet programm mużikali ġewwa Pjazza Reġina.

Is-sena 1964 tibqa’ mfakkra propju wkoll il-għaliex żewġ benefatturi kbar tas-Soċjeta` – Ġuże` Darmanin u Salvu Farrugia kienu dak iż-żmien rregalaw biċċa art lill-istess Soċjeta` fix-xagħri ta’ Wied Babu sabiex fuqha setgħu jinbnew il-kmamar tan-nar. Ġest nobbli li minnu għadna ngawdu sal-lum.

Kien fl-1975 li l-Gvern Malti neħħa l-jedd ta’ l-Awtorita` Ekkleżjastika minn fuq iċ-ċelebrazzjonijiet esterni. Issa Malta kienet saret repubblika u issa, il-prinċipju li ċ-ċittadini huma kollha ugwali quddiem il-liġi u għandu jkollhom l-istess drittijiet ħadd ma seta’ jinnegah.

Avveniment importanti kien seħħ is-Sibt 10 ta’ Lulju 1976 kien jum l-inawgurazzjoni tal-planċier artistiku rinovat. Ix-xogħol fuq din ir-rinovazzjoni tal-planċier li kien iżżanżan fl-1954 kienu ilu li nbeda mill-1974. Kien jum storiku ieħor għaliex għal dik l-okkażjoni ż-Żurrieq kienu telgħu bosta personalitajiet distinti, fosthom il-President ta’ Malta Sir Anthony Mamo u s-sinjura tiegħu bl-akkumpanjament tal-Kavallerija, l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi, Ministri tal-Gvern, deputati miż-żewġ naħat tal-kamra u folol bla għadd.

Għal sentejn fuq xulxin, fl-1977 u fl-1978 il-Banda Queen Victoria messitha x-xorti li tieħu sehem fl-isfilata ta’ Jum ir-Repubblika ġewwa l-Belt Valletta. Imbagħad nhar il-Ħadd l-1 t’April 1979, ħadet sehem b’marċ ġewwa ż-Żurrieq biex jitfakkar Jum il-Ħelsien.

Is-snin tmenin kienu snin dinamiċi ħafna għas-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria. Il-kumitati tas-snin tmenin tefgħu ħarsithom fuq l-armar tal-festa biex b’hekk ir-rebħa tal-prinċipju li barra kulħadd jista’ jarma kemm irid tirnexxi mija fil-mija.

F’Marzu 1987 il-kumitat għamel pass għaqli ħafna meta ħataf l-opportunita` u xtara l-Maħżen FJUR TAL-KARMELU fi Triq it-23 ta’ Lulju 1942. Jekk hemm sena li tibqa’ tissemma bħala l-aktar waħda ta’ swied il-qalb għas-Soċjeta` Karmelitana u l-Banda Queen Victoria, hija bla dubju s-sena 1989.

Il-Ħamis 4 ta’ Mejju, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar, waqt maltempata qalila li raw dawn il-gżejjer, sajjetta tolqot waħda mill-kmamar tan-nar bil-konsegwenza li din tisplodi u tħalli vittmi lil Nenu Zahra ta’ 36 sena u lil Narcy Schembri ta’ 17 -il sena. Kulħadd baqa’ ssummat. Iż-Żurrieq kollu waqa’ f’luttu kbir. 

Is-sena 1990 ġabet magħha anniversarju importanti ħafna. Għeluq il-mija u ħamsa u għoxrin sena mit-tnissil ta’ l-ewwel banda fiż-Żurrieq, illum Banda Queen Victoria. Is-sena 1993 rat it-twaqqif uffiċċjali ta’ żewġ sezzjonijiet importanti.

Kien nhar il-Ħadd 11 t’April li grupp ta’ żgħażagħ iltaqgħu fil-każin u ffurmaw is-Sezzjoni Żgħażagħ Karmelitani bl-ewwel President ikun Ignatius Farrugia. Imbagħad fl-1 ta’ Ġunju twaqqfet is-Sezzjoni Nisa Karmelitani bl-ewwel Presidenta tkun Maria Darmanin.

Dawn iż-żewġ sezzjonijiet huma ta’ għajnuna kbira għas-Soċjeta` u l-Banda kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll mil-lat materjali. Il-koperazzjoni li juru mal-kumitat ċentrali hija xi ħaġa ta’ min ifaħħarha u dejjem ħalliet il-frott mixtieq.

Nhar il-Ħadd 13 t’April 1997 kien jum storiku ieħor għas-Soċjetà u l-Banda propju l-għaliex dak in-nhar tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-każin il-ġdid mill-President ta’ Malta l-Eċċ. Tiegħu Dottor Ugo Mifsud Bonnici. F’Ġunju ta’ dik is-sena nkitbet paġna glorjuża oħra bil-mawra tal-Banda Queen Victoria ‘l barra minn xtutna meta ħadet sehem fil-festi ta’ San Pawl f’Palazzolo Acreide ġewwa Sqallija.

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 1992 delegazzjoni mill-kumitat immexxija kellha x-xorti tiltaqa’ mal-Majesta Tagħha r-Reġina Eliżabetta II u d-Duka ta’ Edinburgh meta f’dawk il-jiem kienu għal żjara statali ġewwa pajjiżna.

F’din il-laqgħa li saret ġewwa s-Sacra Infermeria, ħadu sehem dawk ir-rappreżentanti ta’ għaqdiet li b’xi mod jew ieħor għandhom rabta mal-Familja Rjali. Nhar it-Tnejn 23 t’April 2012 il-Mt. Carmel Fireworks Factory kellha l-unur tiftaħ is-Simpożju Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li kien qiegħed jinżamm ġewwa Malta permezz ta’ spettaklu pirotekniku mżewwaq u sinkonrizzat ma’ mużika tipikament Maltija fl-isfond tas-swar tal-Imdina.

Dan kien spettaklu quddiem għajnejn ħafna dilettanti u ħaddiema tan-nar minn madwar id-dinja u li ġab ħafna kliem ta’ tifħir. Nhar il-Ħamis 26 t’April 2012 l-istess kamra tan-nar ħadet sehem f’wirja tan-nar tal-art ġewwa Buġibba bħal parti mill-attivitajiet marbuta mal-simpożju msemmi.

Bħala parti miċ-ċelebrazzonijiet tal-150 sena tal-Banda Queen Victoria, nhar il-Ġimgħa 10 t’April 2015 sar kunċert kolossali ta’ mużika sagra ġewwa l-Pro-Kattidral Anglikan ta’ San Pawl ġewwa l-Belt Valletta taħt il-patroċinju tal-Kummissarju Għoli Ingliż Mr. Rob Luke. 

Nhar is-Sibt l-1 t’Ottubru 2016 inkitbet paġna ġdida għall-planċier artistiku tal-Banda Queen Victoria meta fl-okkażjoni tal-Notte Bianca ġewwa l-Belt Valletta ntrama fi Pjazza San Ġorġ, faċċata tal-Palazz tal-President. Dik il-lejla l-Banda Queen Victoria kellha x-xorti wkoll li ddoqq f’serata ta’ marċi brijużi minn fuq l-istess planċier  u tul Triq ir-Repubblika.