Lokali

Il-Miljuni tal-Film Festival: Owen Bonnici jħeġġeġ għal iktar ċajt bħal tal-Ingliżi

“David huwa bniedem bi British humor…aħna ma niċċajtawx bina nfusna u b’xulxin biżżejjed”

Kienet din ir-risposta li ta l-Ministru tal-Kultura u Films Owen Bonnici fi tweġiba parlamentari. Tweġiba li waslet wara li d-deputat Nazzjonalista u kelliema għall-Kultura Julie Zahra staqsiet lill-istess Ministru jekk iħossx li l-kumment li għadda Walliams – ċioe li biex tagħmel film f’Malta l-ewwel trid taqsam sodda ma’ Johann Grech, iwaqqax il-livell ta’ pajjiżna fuq ix-xena internazzjonali.

Iżda Owen Bonici sostna li hemm bżonn iktar ċajt bħal dan, fuqu u fuq il-kollegi tiegħu. Dan fl-istess ħin, li l-esponent ewlieni tal-faxxa estrema Laburista Neville Gafa, sostna li fl-istess Festival kien hemm ukoll orġi u konsum eċċessiv tal-kokaina.

Però l-Ministru responsabbli s’issa jidher li mhux se jirrispondi għall-allegazzjonijiet li qed jagħmel l-ex ħaddiem ta’ Kastilja Neville Gafa.

Intant, l-akkużi ta’ Neville Gafà fuq il-Ministru Owen Bonnici għadhom ma ġewx miċħuda minn Robert Abela. Anzi, Abela qed jibqa’ joħroġ għoqnu għal  Bonnici.

F’din l-aħħar ġimgħa Neville Gafà tkellem dwar dik li sejħilha “porkerija” li l-Laburisti kollha bħalissa qed jitkellmu dwarha, u qal li l-ġimgħa tal-Meditterane Film Festival kienet “ġimgħa ta’ estravaganza fil-Forti tar-Rikażli li jeħtieġ €200 miljun biex jiġi restawrat”. Gafà qed jikxef it-tberbiq bla rażan ta’ Owen Bonnici u jakkużah li qed juża flus il-poplu biex hu u mistednin tiegħu jiddandnu, jixorbu u jpejpu minn fuq dahar in-nies.

Din il-ġimgħa Net News staqsa kjarifika dwar kemm fil-verità intefqu flus f’dan il-Festival tal-Films li sena wara oħra qed iqajjem kommossjoni sħiħa għal raġunijiet xejn sbieħ, bil-membri tal-kabinett fl-ebda ħin ma jiċħdu li f’ġimgħa ntefqu 14-il miljun ewro.

Dan jikkonkludi li, l-Membri Parlamentari flimkien  mal-Ministru Owen Bonnici huma komdi kemm bin-nefqa eżorbitanti tal-Mediterrane Film Festival u kif ukoll bil-ħidma ta’ Johann Grech, li s’issa kull sena, qed jkompli jkun f’nofs kontroversja sħiħa.

Intant matul din il-ġimgħa bosta kritikaw bl-aħrax l-attitudni  tal-Gvern tal-Labour, hekk kif l-infiq pubbliku sploda għal livelli rekord – b’Partit fil-Gvern li aktar berbaq flus f’festivals u ċerimonji milli biex jinvesti bis-serjetà f’dan il-qasam, fl-artist lokali u fil-produzzjonijiet Maltin.