Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, qalet li l-Unjoni Ewropea għadha determinata biex taħdem ‘xorta’ lejn ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti sal-Ewwel ta’ Awwissu…Il-ġurnata meta jiskadi d-deadline previst ġimgħat ilu.
Dan wara li Trump mill-ġdid heżżeż lid-dinja tal-kummerċ bit-theddida li, mill-bidu ta’ Awwissu, jimponi t-tariffi ta’ 30 fil-mija fuq il-prodotti li l-Istati Uniti timporta mill-Ewropa…Theddida li hi valida wkoll għall-Messiku, li qed jaqsam fruntiera mal-Istati Uniti.
Intant, il-UE u l-Messiku ma żammewx lura milli jesprimu diżappunt dwar l-aħħar żviluppi, b’Ursula von der Leyen tagħmilha ċara li l-Ewropa għandha tieħu l-kontro-miżuri proporzjonali jekk ikun hemm bżonn.
Fl-istess ħin, l-UE u l-Messiku t-tnejn iridu jkomplu bin-negozjati ma’ Washington – b’Von der Leyen tenfasizza li ‘ftit huma l-ekonomiji tad-dinja li kapaċi jirrepetu l-politika Ewropea bażata fuq l-ekonomija ħielsa …Ekonomija li tibbaża wkoll fuq l-implimentazzjoni tas-sistemi li huma xierqa għal kulħadd’.
Il-President Trump, fl-aħħar sigħat, wieġeb għall-kritika b’theddida oħra….Li jimponi t-taxxi jerġa’ ogħla għall-importazzjonijiet f’sitwazzjoni fejn is-sieħba kummerċjali tal-Istati Uniti jiddeċiedu biex jirritaljaw fil-konfront ta’ Washington.
Jiem ilu, Donald Trump kien anki ħabbar tariffi ġodda għall-prodotti li l-Ġappun, il-Kanada, il-Korea t’Isfel u l-Brażil se jkunu qed jesportaw lejn l-Istati Uniti,…Tariffi li wkoll isiru effettivi mix-xahar id-dieħel.
F’ittra li Trump bagħat jiem ilu lil Von der Leyen, hu qal li l-Istati Uniti u l-Ewropa kellhom is-snin biex jiddiskutu r-relazzjonijiet kummerċjali u li Washington iddeċieda li wasal iż-żmien biex l-Istati Uniti ma tbatix aktar mill-iżblanċi sfavorevoli li huma ‘il-frott ta’ relazzjoni li ma tirriflettix il-veru sens ta’ reċiproċità’.
U sigħat ilu, il-President Trump, waqt intervista lill-Istazzjon Fox News, ftaħar li ‘filwaqt li numru ta’ pajjiżi mhumiex kuntenti bl-iżviluppi, it-tariffi jfissru li l-Istati Uniti qed tkompi ddaħħal il-mijiet tal-biljuni tad-dollari’.
L-Unjoni Ewropea, fil-fatt, ilha mira għall-kritika ta’ Donald Trump fejn jidħlu l-aspetti ta’ kummerċ bilaterali.
U din l-attitudni ta’ Trump, issa, qed tiġġenera reazzjoni qawwija mill-Ewropa, bil-President Franċiż, Emmanuel Macron, jiddiżapprova t-tariffi l-ġodda ‘bl-aktar mod b’saħħtu’.
Macron qed iħeġġeġ ukoll biex l-UE tipprepara malajr il-kontro-miżuri kredibbli f’każ li ma jintlaħaqx ftehim ma’ Washington fil-ġranet li ġejjin.
Tkellem b’mod jerġa’ aktar iebes Bernd Lange, il-Kap tal-Kumitat inkarigat mill-Kummerċ tal-Parlament Ewropew….Lange qal li l-aħħar passi ta’ Trump iridu jitqiesu bħala ‘daqqa ta’ ħarta’ lill-entitajiet li qed jinnegozjaw miegħu, fost l-istqarrija li ‘dan mhux il-mod kif wieħed jitratta ma’ sieħeb kummerċjali ewlieni.’
U f’dawn iċ-ċirkustanzi, Bernd Lange jemmen li l-Unjoni Ewropea, aktar milli tistenna l-ġranet, għandha timplimenta’millum stess’ il-kontro-miżuri għat-tariffi ta’ Donald Trump.
//= $special ?>