Sport Sport Ieħor

Kamp tat-taħriġ jintemm b’suċċess għal Paola Volleyball Club f’Messina

Dan l-aħħar grupp ta’ 26 player mill-klabb ta’ Paola Volleyball ħa sehem f’ kamp ta’ taħriġ ta’ sitt ijiem f’Messina fi Sqallija u li kien organizzat mill-club tas-Serie A2 Taljan Akademia Sant’Anna. Attwalment hemm ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-klabb minn Messina u dak Malti.

Is-sessjonijiet f’Messina tmexxew minn Matteo Pilieci, id-direttur tekniku tal-kamp u li diġa’ rebaħ il-kampjonat nazzjonali Taljan ma’ diversi clubs f’livell ta’ taħt is-sittax, sbatax u tmintax -il sena. Dan kien assistit minn Giuseppe Bosetti, kowċ ta’ esperjenza vasta fis-settur taż-żgħażagħ, Michela Ciarrocchi li hi plejer professjonali tal-club tas-Serie A1 Taljan Roma Volleyball u Norma Pilota, Massimo De Salvo u Enzo Celi li huma kowċis fi ħdan il-club ta’ Akademia Sant’ Anna. Is-sessjonijiet kienu kemm ta’ volleyball indoor u anki ta’ beach volleyball. Il-kontinġent ta’ Paola Volleyball Club tmexxa mill-President Dr Kenneth Vella, is-Segretarja Ġenerali Alexia Brincau u l-coaches Carmen Gauci u Antonio Borg.

Il-President ta’ Paola tenna li din l-esperjenza fi Sqallija tikkonferma l-pjanijiet tal-club li jagħti lill-atleti fi ħdanu anki esperjenza nternazzjonali. Tikkonferma wkoll li Paola Volleyball Club qiegħed jagħti attenzjoni lis-settur tat-tfal daqskemm jingħata lil dak tal-kbar. Hu żied jgħid ukoll li din l-esperjenza kellha wkoll għan edukattiv. Dan minħabba li matul il-ġimgħa l-players anki ngħataw informazzjoni dwar ikel nutrittiv li għandhom jieklu l-atleti u kif għandhom jippreparaw fiżikament u psikoloġikament. Fi tmiem l-camp il-players ta’ Paola ġew ukoll preżentati b’ċertifikat li tqassam minn Fabrizio Costantino, President tal-club Sqalli.

Matul din iż-żjara fi Sqallija, Vella kellu wkoll laqgħat mal-uffiċjali tal-club ta’ Akademia Sant’Anna u anki mas-sindku tal-belt l-Onorevoli Federico Basile u l-uffiċjal tal-kunsill Massimo Finocchiaro. Is-sindku ta’ Messina ġie rringrazzjat anki talli offra b’xejn it-trasport kollu tal-grupp Malti matul iż-żjara u anki kkordina żjarat kulturali.

Il-parteċipazzjoni tal-plejers Maltin fil-kamp kienet possibli anki grazzi għall-appoġġ tal-ġenituri kif ukoll tal-isponsors tal-club li huma Executive Security Services, Maypole, De Paola Pharmacy, Marindex Trophies, Izibet, Dragonara Casino u Brasserie u HandsOn Systems