Internazzjonali

L-Ukrajna: ‘Il-Kremlin qed jintensifika l-kampanja ta’ terrur u intimidazzjoni’

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, mill-ġdid ħeġġeġ biex id-dinja ma tippermettix li r-Russja tintensifika l-azzjonijiet militari kontra pajjiżu….Azzjonijiet li hu fissirhom bħala’kampanja ta’ terrur intiża biex titterrorizza liċ-ċivili fl-Ukrajna’.

Dan ukoll meta l-Ukrajna kompliet iġġarrab l-impatt tal-offensiva mill-ajru tar-Russi li rrankat fl-aħħar ġranet.

Fil-fatt, Zelensky qal li r-Russja – fi spazju ta’ ġimgħa biss – sparat viċin l-2,000 drone; mal-1,200 bomba gwidati bis-sistemi ta’ preċiżjoni u għexieren oħra ta’ missili ‘cruise’.

Ħafna minn dawn l-attakki kienu diretti fuq iz-zoni ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, kif ukoll lejn bliet prinċipali oħrajn iffullati miċ-ċivili.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin irnexxielhom jagħmlu l-kisbiet territorjali kbar waqt din il-gwerra – u bħala parti minn din il-fażi tal-offensiva fuq l-Ukreni.

Is-suċċessi militari tar-Russi spikkaw fuq il-fronti tal-gwerra fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan fost rapporti li l-villaġġi ta’ Mykolaiv u Mirne, issa, jinsabu taħt il-kontroll tar-Russja.

Il-qawwiet Russi, bħalissa, qed jikkontrollaw madwar żewġ-terzi tar-reġjun ta’ Donetsk – bil-Gvern Ukren ma jikkummentax dwar ir-rapporti li s-suldati tal-Kremlin qed jikkonsolidaw posthom ‘qalb it-territorji ġodda (fl-Ukrajna) li waqgħu f’idejhom’.

Madankollu, il-President Zelensky qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu għal kontra l-attakki mill-ajru xorta qed jiksbu ‘riżultati tajbin’….Dan wara li s-sistemi tad-difiża newtralizzaw jew qerdu mijiet kbar tad-drones sparati lejn l-ibliet u z-zoni residenzjali tal-Ukrajna.