Futbol Sport

Liverpool jirtiraw il-flokk bin-numru 20 b’rispett ta’ Diogo Jota

Diogo Jota kien jilgħab bin-numru 20 ma' Liverpool
Diogo Jota kien jilgħab bin-numru 20 ma' Liverpool

Liverpool se jirtiraw il-flokk tagħhom bin-numru 20, b’rispett għall-attakkant Portugiż, Diogo Jota li miet traġikament fil-jiem li għaddew flimkien ma’ ħuħ, Andre f’inċident tat-traffiku fi Spanja.

Liverpool ħadu din id-deċiżjoni wara li kkonsultaw ma’ mart Jota, Rute Cardoso u l-familja tiegħu, liema deċiżjoni tfisser li l-internazzjonali tal-Portugall “għal dejjem se jkun in-numru 20 ta’ Liverpool”.

Fi stqarrija maħruġa mil-klabb ta’ Liverpool, huma qalu li n-numru 20 “se jkun irtirat f’ġieħ il-memorja ta’ Diogo Jota fil-livelli kollha”, inkluż fejn jidħol it-tim tan-nisa u fit-timijiet kollha tal-akkademja.

L-istqarrija tal-klabb tgħid li din id-deċiżjoni hija rikonoxximent mhux biss tal-kontribut importanti li l-plejer ta fis-suċċessi riċenti ta’ Liverpool matul l-aħħar ħames snin, iżda ukoll tal-impatt personali profond li kellu fuq sħabu tat-tim, kollegi u partitarjii, kif ukoll il-konnessjonijiet eterni li bena magħhom.

Diogo Jota ssieħeb ma’ Liverpool mingħand Wolverhampton Wandereres fl-2020 u skorja 65 goal f’182 dehra għal The Reds.

Il-Portugiż ta’ 28 sena għen lill-klabb Ingliż ukoll jirbħu l-FA Cup u l-League Cup fl-2022, fil-każ tal-League Cup anke fl-2024, u l-aħħar suċċess tal-plejer ma’ Liverpool kien fit-tmiem tal-istaġun li għadu kemm intemm, bir-rebħ tal-Premier League Ingliż, li ironikament bħan-numru ta’ Diogo Jota, kien l-20 wieħed ta’ Liverpool fl-istorja tagħhom bħala klabb.