Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Għexieren oħra ta’ Palestinjani maqtula huma u jfittxu l-għajnuna

Palestinian Samia al-Atrash holds the corpse of one of her sister's children from the Khoder family, killed in an Israeli bombardment in Rafah in the southern Gaza Strip on October 21, 2023. Thousands of people, both Israeli and Palestinians have died since October 7, 2023, after Palestinian Hamas militants based in the Gaza Strip, entered southern Israel in a surprise attack leading Israel to declare war on Hamas in Gaza on October 8. (Photo by SAID KHATIB / AFP) (Photo by SAID KHATIB/AFP via Getty Images)

Id-dinja mill-ġdid qed tikkundanna l-qtil indiskriminattiv tal-Palestinjani f’Gaza…Palestinjani – irġiel, nisa u tfal — li qed jissugraw li jisfaw mira tal-militar Iżraeljan huma u jistennew għall-ikel viċin iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fit-territorju.

Fil-fatt, fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li talanqas 35 Palestinjani oħra nqatlu mit-tiri sparati lejhom waqt li kienu fi triqthom lejn wieħed minn dawn iċ-ċentri.

Sadanittant, il-gwerra bejn Iżrael u t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas mhix tnaqqas mill-intensità – bil-qawwiet Iżraeljani jikkonċentraw mill-ġdid l-attakki fuq il-bażijiet tat-terroristi…Attakki li fihom inqatlu wkoll numru sinifikanti ta’ Palestinsjani, inklużi tfal.

Kelliema għall-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar qalu l-isptar li huma qed imexxu f’Rafah – iz-zona tal-aħħar attakki — kien qed idaħħal l-akbar influss ta’ katavri għal sena sħiħa….Dan meta kienu reġistrati wkoll ‘il fuq minn 100 midruba f’anqas minn sagħtejn ta’ ostilitajiet fiz-zona.

Intant, il-35 Palestinjani maqtula li ssemmew fil-bidu tar-rapport inzertaw viċin ċentru għad-distribuzzjoni tal-ikel fil-limiti ta’ Rafah, lejn in-nofsinar ta’ Gaza…Ċentru mmexxi mill-Gaza  Humanitarian Foundation (GHF) li hu grupp Iżraeljan responsabbli mil-loġistika.

Il-gwerra f’Gaza, issa, ilha għaddejja għal 21 xahar u meta fil-preżent hemm ‘il fuq minn żewġ miljun Palestinjani li qed jiddependu fuq l-għajnuna li qed tasal fit-territorju minn barra…Dan ukoll meta l-esperti dwar is-sigurtà tal-ikel qed ikomplu jwissu dwar kriżi tal-ġuh ‘akuta u kontinwa’ fl-artijiet ta’ Gaza.

L-Uffiċjali tas-Salib l-Aħmar, fl-istess ħin, ikkundannaw ‘il-frekwenza u l-iskala’ tal-isparaturi viċin is-siti għat-tqassim tal-ikel u li dejjem qed iħallu kwantità ta’ ċivili Palestinjani mejtin.

Hu minnu wkoll li mhux faċli biex wieħed jivverifika l-fatti, meta Iżrael lanqas mhu qed jippermetti biex il-ġurnalisti barranin ikollhom aċċess lejn Gaza.

L-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, qalu li s-suldati tagħhom kienu sparaw it-tiri ta’ twissija waqt li l-folol tal-Palestinjani kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż viċin iċ-ċentri għat-tqassim tal-ikel. Huma tennew ukoll li ma kellhomx id-dettalji dwar il-vittmi rappurtati.

Sadanittant, is-sorsi internazzjonali anki kundannaw l-attakki mill-ajru li sar tard fil-lejl tas-Sibt fuq Deir al-Balah u li ħallew it-tfal fost il-vittmi. Dan ukoll waqt li l-Iżraeljani komplew bl-attakki mill-ajru intensivi fuq iz-zona ta’ Beit Hanoun, fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.

Għalissa għad ma hemmx sinjali ta’ xi żblokk notevoli fit-taħditiet dwar waqfien mill-ġlied potenzali fil-Medda ta’ Gaza…Dan minkejja li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump – li pajjiżu hu wieħed mill-medjaturi – sostna, il-ġimgħa l-oħra li ‘kien viċin’ li jikkonkludi forma ta’ patt bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas.

Diversi sorsi Palestinjani qed jgħidu li Iżrael qed iżomm lura l-proċess għaliex ma jridx jaċċetta t-talbiet tal-Ħamas biex jirtira għal kollox lit-truppi tiegħu mill-Medda ta’ Gaza.

Dan waqt li sorsi oħrajn qalu, fil-lejl tas-Sibt, li l-medjaturi kienu talbu lil Iżrael u l-Ħamas biex jipposponu t-taħditiet sal-wasla, fil-Qatar, ta’ Steve Witkoff, bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti għal-Lvant Nofsani.

Sadanittant, il-kriżi tal-ġuh f’Gaza mistennija taqleb għall-agħar meta n-Nazzjonijiet Uniti u gruppi tal-għajnuna oħrajn qed isibuha diffiċli ħafna biex jiddistribwixxu l-għajnuna umanitarja…L-akbar intoppi, għalissa, huma r-restrizzjonijiet imposti mill-militar Iżraeljan u sitwazzjoni fuq livell ta’ anarkija fost ir-residenti ta’ Gaza.