Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex Hamdan jitqiegħed taħt att ta’ akkuża fuq l-omiċidju ta’ Jean Paul Busuttil fil-Bidnija

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, it-Tnejn waranofsinhar ħarġet digriet prima facie fil-konfront ta’ Mohamed Hamdan, akkużat li fid-29 ta’ Ġunju 2025 qatel lil Jean Paul Busuttil b’ħames tiri f’Triq il-Bidnija, wara ġlieda li nibtet minn inċident tat-traffiku.

Għaldaqstant il-Qorti ddikjarat li hemm provi biżżejjed biex Hamdan jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Waqt il-ġlieda, Busuttil kien fil-karozza flimkien ma’ martu u ommha, fejn it-tnejn raw kollox jiġri quddiem għajnejhom.

Mohamed Hamdan, ta’ 46 sena qed jiġi akkużat bi qtil volontarju wara argument vjolenti ma’ negozjant, li żvolġa fi sparatura fatali fil-Bidnija, kmieni l-Ħadd filgħodu tad-29 ta’ Ġunju. Hamdan, Libjan li twieled fis-Sirja u jgħix fil-Bidnija, qed jiġi mixli li spara u qatel lil Jean Paul Busuttil wara li ħabat miegħu fi triq ‘one-way’. Allegatament b’kollox Hamdan spara ħames tiri bi tnejn minnhom jolqtu lill-vittma f’għonqu u f’wiċċu.

Barra l-omiċidju, Hamdan qed jiġi mixli fuq pussess ta’ pistola waqt ir-reat, liema arma kienet bla liċenzja, il-qerda tal-evidenza, li saq kontra d-direzzjoni tat-traffiku, li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fuq tliet persuni, u li wettaq ħsarat li jaqbżu l-€2,500.

F’seduta qasira kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Hamdan mixli b’omiċidju u akkużi oħra. Il-prosekuzzjoni qed tallega li wara li seħħet ħabta bejn iż-żewġ karozzi, Hamdan telaq mill-post, iżda reġa’ lura ftit minuti wara armat b’arma tan-nar u spara b’mod deliberat lejn Busuttil fil-preżenza tal-familja tiegħu.

Skont ix-xhieda ta’ mart il-vittma fis-seduta preċedenti, Hamdan wara li spara qal lill-vittma “Nittama li tmut” akkumpanjat minn kliem ħażin ieħor. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Kurt Colombo Zahra, ippreżentat diversi provi, fosthom filmati, rapporti forensiċi, u reġistrazzjonijiet ta’ sejħiet tal-emerġenza li saru fis-sigħat ta’ filgħodu tal-inċident.

Dawn is-sejħiet ġew eżaminati fil-Qorti mill-uffiċjali tad-dipartiment tal-IT tal-Pulizija, kif ukoll mid-deputat reġistratur Angelo Buttigieg li ppreżenta r-rapport tal-inkjesta. It-Tnejn, il-Qorti semgħet diversi recordings li jinkludu sejħiet li saru fuq in-numri 112 u 119.

Dan wara li s-Surġent Klevin Saliba, li jaħdem fis-sezzjoni tal-IT tal-Pulizija, ippreżenta kompji ta’ telefonati ta’ emerġenza li saru fil-jum tad-delitt fid-29 ta’Ġunju li għadda. Il-prosekuzzjoni talbet li dawn jinstemgħu quddiem l-armla ta’ Busuttil, bid-difiża ma toġġezzjonax għal din it-talba.

F’waħda mir-reġistrazzjonijiet, warden ta’ LESA jista’ jinstema’ jgħajjat: “Wieħed qed jispara fuq l-ieħor”, u jagħmel talba lil tal-RIU għal għajnuna fi Triq il-Bidnija l-Imġarr. F’oħra, vuċi emozzjonata titlob għall-ambulanza: “Hawn qed jisparaw fuqna għajnuna malajr!”

Id-difiża mmexxija mill-avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u Edward Gatt, għamlet talba biex jiġu ppreżentati r-recordings kollha fuq dak li qal Hamdan qabel l-isparatura. Allegaw li sejħa importanti magħmula minn Hamdan stess lil LESA qabel “l-inċident il-kbir” għadha nieqsa mill-provi ppreżentati. Il-Qorti ordnat lill-Pulizija biex tipproduċi dawn is-sejħiet fis-seduta li jmiss.

Għalkemm it-Tnejn kienet mistennija tkompli tixhed il-mara tal-vittma u ommha, ix-xhieda tagħhom ġiet differita sabiex qabel jiġu ppreżentati u eżaminati l-provi teknoloġiċi kollha rilevanti. Il-Qorti, minkejja dan, waslet għall-konklużjoni li l-provi preżentati sa issa huma biżżejjed biex Hamdan jgħaddi ġuri b’rabta mal-akkuża ta’ qtil volontarju.

Fis-seduta preċedenti mart il-vittma qalet li kien għall-ħabta tas-6.45am, kienet flimkien ma’ żewġha u ommha, sejrin lejn iż-Żebbuġ biex jaraw lil binthom tilgħab il-volleyball. Hi kienet bilqiegħda fuq is-seat tal-passiġġier, żewġha kien isuq, u ommha kienet bilqiegħda warajhom.

Minħabba xogħlijiet fit-triq ewlenija, għażlu li jgħaddu minn triq rurali. Madwar ħames minuti wara li telqu mid-dar, seħħet il-ħabta. Raġel fuq mutur daħal kontra direzzjoni f’triq one-way u ġie f’kuntatt dirett mal-karozza tagħhom.

Hija qalet li żewġha waqqaf il-karozza u għamel sinjal lill-mutur biex jieqaf, iżda l-mutur baqa’ għaddej u daħal fil-karozza. Hija ħadet ritratti tal-mutur, u f’dak il-ħin, uffiċjal tal-Pulizija għadda mill-post u deher li kien jaf lil tal-mutur.

“Mohamed, x’għamilt?” staqsieh l-uffiċjal, skont il-mara tal-vittma. Huma talbu lill-pulizija biex jittratta l-inċident, għax kienu jridu jilħqu l-partita tal-volleyball ta’ binthom, iżda l-uffiċjal qal li ma kinitx ġurisdizzjoni tiegħu u ċempel għal uffiċjal tal-LESA.

Wara li l-uffiċjal telaq, Hamdan sar aggressiv ħafna, qalet ix-xhud. Meta l-Maġistrat staqsietha biex tiddeskrivi aktar fid-dettall, hija qalet li l-lingwaġġ tiegħu kien aggressiv, u li ma waqafx jgħajjat u jidgħi. Qalet li minbarra l-kliem ħażin indirizzati lejn żewġha wara li sparalu beda jgħidlu “mut mut” fejn tenniet li sparalu lejn il-warda ta’ wiċċu u f’għonqu u tliet tiri oħra madwar ġismu.

Qalet ukoll li żewġha għal xi ħin baqa’ fuq saqajh imma deher li kien skomdu u l-movimenti ta’ għajnejh dehru problematiċi u beda jitlef ħafna demm. Il-Qorti ħarġet digriet prima facie, u l-avukati tad-difiża ma oġġezzjonawx.

Il-każ issa ġie differit għas-16 ta’ Settembru 2025. L-Avukati Kaylie Bonett u Mauro Abela mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-prosekuzzjoni assistiti mill-Ispettur Kurt Colombo Zahra. L-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Farrugia Sacco qed jirrappreżentaw il-familja tal-vittma.