Il-poplu Franċiż, bħal kull sena, qed jiċċelebra Jum Bastilja bħala l-vaganza nazzjonali li għad għandu simboliżmu kbir f’kull livell tas-soċjetà moderna.
U bħal kull sena, f’Pariġi, qed jispikkaw iċ-ċerimonji spettakolari li jinkludu l-fergħat kollha tal-qawwiet Franċiżi. Dan fost il-‘march pasts’ tas-suldati, il-‘flyovers’ tal-ajruplani militari u d-drones li qed jipprovdu spettakli tad-dawl uniċi għad-divertiment tal-poplu.
Fl-istess ħin mhumiex jonqsu l-wirjiet pirotekniċi fil-kapitali u fl-ibliet kollha ta’ Franza.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jaqgħu proprju għada, il-15 ta’ Lulju, u meta l-poplu Franċiż qed jikkommemora l-assedju taċ-ċittadini Franċiżi fuq il-ħabs ta’ Bastilja li jmur lura għall-1789 u li rriżulta fir-Rivoluzzjoni Franċiża storika.
L-assedju, fil-fatt, seħħ fl-14 ta’ Lulju ta’ dik is-sena u r-riperkussjonijiet tiegħu wasslu għat-twaqqif tar-Repubblika Franċiża wara ħafna snin ta’ monarkija karatterizzati mill-konflitti u t-taqlib.
Fl-aħħar sigħat, il-President Franċiż, Emmanuel Macron u distinti oħrajn tal-Gvern kienu preżenti għaċ-ċelebrazzjonijiet f’Pariġi – fost l-attivitajiet mill-membri tal-kavallerija u l-vetturi armata li għaddew minn rotta speċifika fl-inħawi ta’ Champs-Élysées.
Fiż-żewġ sekli ta’ wara r-Rivoluzzjoni, Franza għaddiet minn diversi avvenimenti li komplew isawruha bħala Repubblika, fosthom l-era ta’ Napuljun Bonaparte, numru ta’ rewwixti oħrajn u ż-żewġ gwerer dinjija. Dan kollu sakemm il-pajjiż stabbilixxa ruħu bħala l-Ħames Repubblika ta’ Franza, fl-1958.
//= $special ?>